Lokali

Il-Pulizija mhix tinvestiga ta’ min hi Egrant

Il-Pulizija ingħatat kopja sħiħa tar-rapport Egrant dakinhar stess li ħareġ, u ilhom dawn l-aħħar sena u nofs jinvestigaw ir-rakkomandazzjonijiet u l-konklużjonijet tiegħu. Iżda sa issa jidher li mhumiex jinvestigaw ta’ min hi Egrant.

Dan minkejja li din il-kumpanija kienet infetħet fl-istess zmien li fih infetħu l-kumpanija Hearnville u Tillgate tal-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, u l-eks Ministru tat-Turiżmu Konrad Mizzi.

Skont l-emails li gew illikjati, l-kumpaniji ta’ Schembri u Mizzi kienu se jirċievu €5,000 kuljum kull wieħed mill-kumpanija 17 Black ta’ Yorgen Fenech, illum akkużat li kien komplici fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Il-fatt li l-Pulizija mhix qed tipprova tiskopri ta’ min hi Egrant joħroġ minn stqarrija li ppubblika l-Korp f’nofs din il-gimgha fejn qalu li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin flimkien ma’ maġistrati u awtoritajiet oħra.

Il-Pulizija qalet li qed tinvestiga fost l-oħrajn ir-rabta bejn l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, u Brian Tonna ta’ Nexia BT, ir-rabta bejn l-istess Schembri u Adrian Hillman, il-Bank Pilatus, il-Kumpanija 17 Black u r-rabta tagħha mal-Kumpanija ta’ Keith Schembri u l-eks Ministru Konrad Mizzi, Hearnville u Tillgate.

Il-Pulizija qalet ukoll li bħala parti mill-investigazzjoni qed ikellmu wkoll għadd ta’ aġenżiji u awtoritajiet oħra, kif ukoll numru ta’ persuni oħra.

L-istqarrija ma tatx aktar dettalji, u ma ssemmiex investigazzjonijiet sabiex isir magħruf ta’ min hi l-Kumpanija misterjuża Egrant li nfetħet minn Nexia BT u li isem l-Ultimate Beneficiary Owner tant kien importanti li ma setax jissemma f’email iżda biss permezz ta’ Skype.