Lokali

L-imsieħba soċjali pożittivi dwar il-15-il proposta tal-PN

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia ddiskuta l-proposti tal-PN għar-riformi meħtieġa f’pajjiżna mal-imsieħba soċjali membri fl-MCESD

“F’dan il-mument delikat għal pajjiżna, l-iżjed ħaġa ewlenija u ta’ prijorità hija li nuru u nispjegaw riformi li jeħtieġ li jitwettqu sabiex ma’ ngħaddux għal darb’oħra minn dak li qegħdin ngħaddu minnu llum. Dan meta pajjiżna jinsab għaddej minn kriżi Kostituzzjonali u kriżi istituzzjonali. Huwa għalhekk il-Partit Nazzjonalista, mill-Oppożizzjoni qiegħed iressaq ‘il quddiem id-dokument Riforma u Tiġdid bi 15-il proposta biex jiġu ssalvagwardjati d-demokrazija, l-governanza tajba, s-separazzjoni tal-poteri u s-saltna tad-dritt.”, hekk qal il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia fl-introduzzjoni ta’ din il-laqgħa.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-PN qed iressaq dokument bil-proposti għal governanza tajba u tisħiħ tas-saltna tad-dritt, għax pajjiżna ma jistax jistenna aktar. Fl-isfond tal-kriżi li għaddej minnu pajjiżna, ħareġ ċar li jeħtieġ bidliet radikali. Id-dokument Riforma u Tiġdid jinkludi 15-il proposta li jitkellmu fuq: Ħatra tal-President tar-Repubblika, li jkun il-President tan-Nazzjon, Qrati li jispiraw fiduċja, Parlament u Parlamentari li jilleġisla u jiskrutinja b’mod awtonomu, Awtoritajiet u istituzzjonijiet b’garanzija ta’ indipendenza, Avukat Ġenerali b’garanzija ta’ indipendenza u sinsla, Forzi dixxiplinati, indipendenti u tajbin, Awditur Ġenerali li jifli kollox u fil-ħin, Finanzjament tal-Partiti mill-Istat biex ikun hemm ħelsien tal-politika mill-kunflitti ta’ interess, Xandir tal-Istat imparzjali, Edukattiv, Serju u li jagħti spazju lill-partiti u lill-imsieħba soċjali, Ħarsien sħiħ tal-ġurnalizmu investigattiv, Tisħiħ tas-soċjetà ċivili, Trasparenza fil-ħidma u fil-kuntratt tal-Gvern, Tieqaf l-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza, Pożizzjonijiet ta’ fiduċja biss fejn huwa sewwa, Insaħħu l-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Deia qal li l-Gvern kisser ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna, hedded id-demokrazija u ħataf l-istituzzjonijiet fosthom l-Avukat Ġenerali. Adrian Delia qal li mhix aċċettabbli li f’pajjiż demokratiku, l-Avukat Ġenerali jiġi kkundannat mill-ogħla Qorti f’pajjiżna li kiser il-Kostituzzjoni, li kisirlu d-drittijiet fundamentali kif protetti mill-Kostituzzjoni u l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u li ddeskrimina politikament, u jibqgħu ma jirriżenjax. Huwa qal li pajjiżna ma jiflaħx jirċievi iżjed rapporti negattivi minħabba l-għemil tal-Gvern jew xenarju ieħor fejn 84% tal-membri Parlamentari Ewropej li japprovaw mozzjoni li tikkundanna lil Joseph Muscat bħala Prim Ministru. Għalhekk jeħtieġ li bħala pajjiż nibgħatu sinjal ċar u nbiddlu r-rotta u għalhekk li l-PN qed iressaq dawn il-proposti għall-konsiderazzjoni tas-soċjetà ċivili, l-korpi kostitwiti, unions u dawk kollha li għandhom għal qalbhom l-interess nazzjonali u l-ġid komuni.

Għal din il-laqgħa mal-imsieħba soċjali membri fl-MCESD, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia kien akkumpanjat mill-Viċi Kap għall-Affarijiet Parlamentari David Agius, mill-Viċi Kap għall-Affarijiet tal-Partit Robert Arrigo, mis-Segretarju Ġenerali tal-PN Clyde Puli, l-Whip tal-Grupp Parlamentari Robert Cutajar, mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar id-Drittijiet Indaqs, il-Libertajiet Ċivili u d-Drittijiet taċ-Ċittadin Claudette Buttigieg, mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni dwar il-Media u l-Kultura u l-Identità Nazzjonali Therese Comodini Cachia, mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi Mario de Marco, mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar is-Sigurtà Nazzjonali u l-Ġlieda kontra l-Kriminalità Beppe Fenech Adami, mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali Karl Gouder u mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar l-Affarijiet Barranin u l-Promozzjoni tal-Kummerċ Carmelo Mifsud Bonnici.