Sport Sport Ieħor

Illum tibda l-20 edizzjoni tal-Euromed b’230 baħħar parteċipant

(Ritratt: Rodrigo M. Rato/LX Sailing)

Illum tibda l-20 edizzjoni tal-MAPFRE Middlesea Euromed Regatta bl-appoġġ ta’ Yachting Malta. Din ir-Regatta internazzjonali li hi organizzata mill-Malta Young Sailors Club, qed issir taħt l-awspiċi tal-Malta Sailing Federation.

Din l-edizzjoni se tkun qed tilqa’ flotta ta’ 230 baħħar minn 26 pajjiż. Dawn se jkunu qed jikkompetu fil-klassijiet Laser u Optimist. Din tal-aħħar se tkun l-akbar klassi fejn aktar minn 200 baħħar se jikkompetu fil-kategoriji Novice, Open u Cadet. Il-kumplament se jikkompetu fil-kategoriji 4.7 Radial u Standard fil-Klassi Laser.

Matul is-snin, Malta kisbet riżultati pożittivi meta rebħu din ir-regatta diversi drabi. Dawn kienu Matthew, Ella u Edward Fleri Soler, Thomas Zammit Tabona u fl-aħħar snin Richard Schultheis rebaħ tliet darbiet. L-organizzaturi qed jistennew prestazzjonijiet tajba mill-baħħara lokali iżda mistennija tkun kompetizzjoni minħabba li fost l-isfidanti se jkun hemm Alessandro Cortese li hu r-rebbieħ preżenti tal-Ewropa tal-Klassi Optimist. Fost il-flotta se jkun hemm timijiet tajbin mill-Iżvizzera u l-Awstrija.

Il-Commodore tal-Malta Young Sailors Club Christian Bajada qal li qed jistennew din l-edizzjoni b’ħerqa kbira. “Il-klabb tagħna ilu jaħdem is-sena kollha biex inkunu nistgħu noffru regatta memorabbli li tħalli isem tajjeb għal Malta fost il-komunità internazzjonali tal-ibburdjar.

It-tlielaq se jsiru fil-Bajja tal-Mellieħa u hu previst li t-tlielaq jibdew mill-għaxra ta’ filgħodu, dejjem skont il-kundizzjoni tat-temp. Għal aktar aħbarijiet dawk interessati jistgħu jżuru s-sit https://euromed.maltayoungsailors.com/