Lokali

AĠĠORNATA: Keith Schembri investigat fuq l-assassinju u t-tbagħbis tal-evidenza

Il-Pulizija ma sabux il-mobile ta' Keith Schembri

Fil-Qorti, illum kien konfermat li Keith Schembri qed ikun investigat b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia u t-tbagħbis tal-evidenza.

Schembri kien ġie arrestat fis-26 ta’ Novembru iżda kien inħeles u qatt ma reġa’ ġie arrestat.

Keith Arnaud saħaq li dawn l-investigazzjonijiet qed isiru minn taqsimiet oħra tal-Pulizija.

Konfermata wkoll taħt ġurament illi Keith Schembri bagħat lit-tabib Vella b’ittra li kellu jgħaddi lil Yorgen Fenech meta dan kien fl-isptar u d-dar taħt police bail. Il-konferma, jekk qatt kien hemm bżonn, waslet fil-Qorti mill-Ispettur Keith Arnaud.

Arnaud qal bl-aktar mod dirett qal li Adrian Vella ammetta miegħu li għaddew dawn in-noti lil Yorgen Fenech.

Dan ħareġ hekk kif fil-Qorti kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront ta’ Yorgen Fenech li qed ikun akkużat li kien kompliċi fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Il-Ministru Chris Cardona u Toni ‘l-iblaħ’ Sammut  li jaħdem fil-Ministeru tal-Ekonomija ssemma’ fl-ittra li kiteb Keith Schembri għal Yorgen Fenech li għaddielu t-tabib. Keith Schembri kkonferma li kull fejn fl-ittra hemm miktub CC kien qed ifisser għal Ministru Cardona. F’din l-itrra ssemma’ wkoll l-Avukat David Gatt bħala dak li kien “jgħaqqad kollox.”

Din l-ittra kienet murija lill-Qorti minn Keith Arnaud u kien l-Avukat Jason Azzopardi li qara siltiet mill-ittra msemmija waqt il-kontro eżami li kien qed jagħmel lill-ispettur Arnaud.

Fis-seduta tal-lum, l-Ispettur Keith Arnaud stqarr li hemm problema bir-recordings tal-middleman, Melvin Theuma. Biex b’hekk dawn il-famużi recordings baqgħu misteru.

Kienet id-difiza illi llum reġgħet talbet għal dawn ir-recordings bejn Yorgen Fenech u Melvin Theuma. F’dawn ir-recordings jissemma’ Keith Schembri numri kbir ta’ drabi u Keith Arnaud iddikjara li l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru, kien investigat fuq l-omiċidju u għadu qed jiġi investigat.

Kien investigat ukoll Kenneth Camilleri eks security tal-Prim Ministru li llum jaħdem Transport Malta.

L-aħħar meeting f’Kastilja fejn kien preżenti Keith Schmebri filwaqt li kien diskuss dan il-każ kien sar f’Ottubru/Novembru ta’ din is-sena fejn isemma’ Melvin Theuma li Schembri kien tah job fantażma.. madanakollu Keith Schembri qatt ma nforma lil Keith Arnaud b’dan.

Il-mobile ta’ Keith Schembri baqa’ ma nstabx mill-pulizija u Keith Schembri kien qal illi tilfu. Is-search fl-uffiċċju ta’ Keith Schembri f’Kastilja ma saritx fil-ġurnata li fiha kien arrestat Keith Schembri.

Keith Arnaud mar ikellem lil Yorgen Fenech waħdu meta wasal id-depot l-ewwel darba u wara li ingħata l-police bail l-ewwel darba u qallu “Ġejja triq twila għalik, se tkun go mina fid-dlam, taqtax qalbek, fit-tarf għandek id-dawl, ghid il-verita”. Keith Arnaud qed jgħid li Keith Schembri ma ssemmix pero Yorgen Fenech qed jibqa’ jgħid li ssemma Keith Schembri waqt din il-konversazzjoni privata li kellu ma’ Yorgen Fenech.

L-ispettur Arnaud

Keith Arnaud ħa qata’ x’ħin fetaħ il-kaxxa li kellha l-evidenza għaliex deher biċ-ċar li informazzjoni li ħarġet fil-laqgħat sigrieti f’Kastilja dwar il-każ kienet qed tingħata minn xi ħadd li żġur kien preżenti f’din il-laqgħa kienet lil Yorgen Fenech. Keith Arnaud jgħid li staqsa lil Keith Schembri dwar dan għaliex issuspetta fih pero Schembri qallu li qatt ma kien hemm leaks min-naħa tiegħu.

Dan minkejja li Yorgen Fenech kien suspettat tal-pulizija minn Awwissu tal-2018, u anke isemma’ ismu fil-laqgħat li fihom kien ikun hemm preżenti Keith Schembri, li skont Keith Arnaud qatt ma qal li hu ħabib ta’ Yorgen Fenech.

Jisemma’ pjan biex jaħrab mill-pajjiż

L-Ispettur Arnaud għamel referenza għal Ray Fenech, iz-ziju ta’ Yorgen Fenech. Hu kien għaddielu screenshots tal-aħbarijiet dakinhar li ħareġ isem Melvin Theuma, u kien tah parir biex iħalli Malta u jmur Franza.

Ray Fenech kien qallu biex ma jużax l-ajruport u ma jużax credit cards. Franco Fenech, ħu Yorgen, ried jgħinu biex jaħrab mill-pajjiż billi jgħaddi mit-Tuneżija lejn Dubaj.

Il-kumpilazzjoni qed tinstema’ quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello.

L-avukati Jason Azzopardi, Therese Comodini Cachia, Andrew Borg Cardona u Peter Caruana Galizia qed jidhru bħala parte civile.