Lokali

Messaġġi b’saħħithom waqt l-iskambju tal-awguri

Matul il-ġurnata tal-Ħamis, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, iltaqa’ mal-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura Vella kif ukoll mal-Arċisqof Charles Scicluna flimkien mal-Isqof awżiljarju Joseph Galea Curmi.

F’dawn iż-żewġ laqgħat apparti l-iskambju tal-awguri għal dan iż-żmien ta’ festi, spikka messaġġ wieħed, dak li kulħadd għandu jerfa’ r-responsabiltà anke f’ċirkustanzi diffiċli biex b’hekk il-pajjiż ikun jista’ jirritorna għan-normal.

Il-President ta’ Malta appella wkoll għal serenità filwaqt li saħaq li jinsab diżappuntat li isem Malta twaqqa’ daqsekk fil-baxx fl-aħħar ġimgħat.

L-Arċisqof irringrazzja lil Adrian Delia tal-kuraġġ li wera’ waqt li baqa’ jinsisti biex il-poplu Malti jkun infurmat bis-sħiħ b’rabta mar-rapport Egrant u l-kisba li għamel Adrian Delia biex dan ir-rapport ma baqax biss għand dawk qrib ta’ Joseph Muscat.

Charles Scicluna qal li se nisimgħu b’veritajiet skomdi u li se jweġġgħuna filwaqt li fakkar li hemm għajta għall-ġustizzja u biex il-verità toħroġ kollha u bis-sħiħ.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista tkellem dwar l-importanza li ngħatu lil min hu fil-bżonn f’dawn iż-żminijiet filwaqt li kulħadd jieħdu dan iż-żmien bħala wieħed ta’ riflessjoni filwaqt li offre messaġġ ta’ tama u kuraġġ.

Jakkumpanjaw lil Adrian Delia kien hemm iż-żewġ viċi kapjiet tal-Partit, David Agius u Robert Arrigo.

Matul il-ġurnata tal-Ħamis, il-Grupp Parlamentari u l-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista wkoll ltaqa’ mal-President u l-Arċisqof biex iż-żewġ naħat għaddew l-awguri u l-messaġġi tagħhom għal dan iż-żmien.