Lokali

Robert Abela jżomm l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti…imma ma jwarrabx lill-Avukat Ġenerali

Fl-ewwel laqgħa mal-ġurnalisti mindu nieda l-kampanja tiegħu għat-tmexxija tal-Partit Laburista, id-Deputat Robert Abela, l-ewwel kliem tiegħu kienu li hu baqa’ sal-aħħar leali lejn Joseph Muscat, u saħansitra ma caħadx li jekk ikun Prim Ministru hu, jitlob lil Joseph Muscat biex ikun parti mill-Kabinett tiegħu. Madankollu mistoqsi dwar il-patt imxajtan li tkellem dwaru ftit tal-jiem ilu, Abela ma riedx iwieġeb.

Mistoqsi jekk ġielix kellem lil Neville Gafà, hu qal li kellmu aktar minn darba imma ma qalx dwar xiex.

Ġurnalisti staqsew ukoll dwar il-miljuni f’direct orders li ħadu hu u martu fl-aħħar snin, fejn qal li kull 1c li ħadu ħadmu għalih.

Dwar l-iskema tal-bejgħ tal-passaporti, Robert Abela qal li hu jrid iżomm din l-iskema iżda mistoqsi hux se jippubblika l-lista tal-persuni li xtraw passaport Malti, ma kkommettiex ruħu li jagħmel dan.

Mistoqsi jekk jagħtix whisteleblower status lil Maria Efimova, anke hawn hu naqas milli jwieġeb, kif għamel ukoll meta mistoqsi jekk hux lest jagħti proklama lil Yorgen Fenech, u dwar jekk kieku jkun Prim Ministru jitlobx li tkun investigata ta MIN HI Egrant, hu ħarab milli jwieġeb u qal li l-inkjesti jrid jitlobha l-Kummissarju tal-Pulizija.

Dwar l-Avukat Ġenerali u jekk hu, bħala Prim Ministru jressaqx mozzjoni fil-Parlament biex jitneħħa, hu stieden lill-Kap tal-Oppozizzjoni biex iressaq din il-mozzjoni.

Tqajjem ukoll il-punt dwar ix-xogħol fantażma li ta Keith Schembri lil Melvin Theuma. Hawn, Robert Abela qal li din hija kultura li n-nies imorru Kastilja għal job.

Il-kandidat għat-tmexxija tal-Partit Laburista tkellem dwar il-pagi f’pajjiżna, u qal li mhux se jagħmel wegħdi li mhumiex realistiċi, u li min jaqla €5 jew €6 kuljum, ma jistax isir sinjur.

Robert Abela ammetta li mhux kulħadd qed igawdi mit-tkabbir ekonomiku, fosthom ħafna li għandhom problem bil-kirjiet għoljin.

Semma wkoll il-fatt li għad hawn ħafna anzjani li qed ikollhom joħorġu minn buthom flejjes kbar għall-mediċini. Hu qal li hemm numru ta mediċini li mhux jingħataw b’xejn u dan hu piż li l-anzjani tagħna ma jifilħux għalih.

Fi ftit kliem, Robert Abela ammetta li minkejja l-ftaħir kollu dwar it-tkabbir ekonomiku, ninsabu f’sitwazzjoni fejn għad hawn il-faqar, problemi ta’ housing, u korruzzjoni li wasslitna fil-kriżi preżenti.

Ikkummenta