Futbol Sport

Arteta jinħatar uffiċjalment manager ta’ Arsenal

(Ritratt: EPA)

Wara l-ispekulazzjoni tal-aħħar jiem, issa hi uffiċjali li Arsenal ħatru lil Mikel Arteta bħala l-manager il-ġdid b’kuntratt ta’ tliet snin u nofs. Għal Arteta se jkun ritorn mal-klabb li miegħu lagħab 150 logħba bejn l-2011 u l-2016. Magħhom rebaħ darbtejn l-FA Cup u darbtejn il-Community Shield.

Arteta b’hekk se jħalli l-irwol ta’ assistent ta’ Pep Guardiola ma’ Manchester City, li kellhom il-ħsieb li jżommu lil Arteta. Iżda l-offerta ta’ Arsenal kienet wisq għal Arteta biex jirrifjuta.

L-Ispanjol ta’ 37 sena se jieħu post Freddie Ljunberg li serva bħala kowċ temporanju wara t-tkeċċija ta’ Unai Emery fi tmiem ix-xahar li għadda. Fil-perjodu li Ljunberg mexxa lil Arsenal, il-Gunners kisbu rebħa, żewġ draws u żewġ telfiet, bit-tim minn Londra jinsab fl-10 post fil-Premier League.

Iċ-champions Ingliżi ma kinux kuntenti bil-ħsieb ta’ Arsenal għall-Ispanjol, wara li ritratti urew il-Kap Eżekuttiv ta’ Arsenal Vinai Venkatesham u l-avukat Huss Fahmy iħallu d-dar ta’ Arteta fis-sigħat bikrin tat-Tnejn filgħodu.