Lokali

Chris Cardona: “Inqabeż kull limitu”

Jumejn wara li l-eks Chief of Staff Keith Schembri ftaħar li rebbaħ għaxar elezzjonijiet lill-Partit Laburista, issa jridu jkeċċuh mill-Partit.

F’dik li hi l-iktar riċenti minn sensiela ta’ episodji li kixfu l-ġlieda interna fil-Partit Laburista, issa anke d-Deputat Mexxej Chris Cardona irrikorra għal Facebook. Dan wara li internament, il-pressjoni li ilu jagħmel għal ġimgħat sħaħ ma swiet għalxejn.

“Ħassejt li bħala Ministru ikun aħjar li nesprimi l-opinjonijiet tiegħi fl-istrutturi tal-partit minflok nikteb pubblikament iżda issa nemmen li nqabeż kull limit,” iddikjara Chris Cardona, f’konferma li ma kienx fadallu għażla oħra.

Id-Deputat Mexxej Laburista Chris Cardona saħansitra kien sfurzat jirriżenja wara li l-investigaturi kisbu ittra mingħand Keith Schembri li t-tabib Adrian Vella għadda lil Yorgen Fenech biex jipprova jikkonvinċieh iwaħħal kollox f’Cardona.

Chris Cardona mhux l-uniku li kixef il-kwistjonijiet interni pubblikament. Ilbieraħ, anke ċ-Chairman ta’ One Jason Micallef appella biex Keith Schembri jitkeċċa mill-Partit Laburista.

Dan waqt li l-Kap Eżekuttiv Randolph Debattista tefa’ botta fuq Facebook biex jirridikola lil Keith Schembri, li fil-Qorti ddikjara li tilef il-mobile. Dan wara li Keith Arnaud, l-investigatur ewlieni fil-każ tal-assasinju ta’ Daphne Caruana Galizia, qal li l-mobile ta’ Schembri ma nstabx “għax tilfu.”

Kumment, dak ta’ Debattista, li jikxef fil-beraħ ukoll il-qasma li teżisti bejn il-Gvern kontrollat minn Joseph Muscat, li jipproteġi u jinsab imdawwar minn Keith Schembri, Konrad Mizzi, Neville Gafa u l-kumplament, u t-tmexxija tal-Partit Laburista.