Lokali

Deborah Schembri toħroġ għonqha għal Keith Schembri

Keith Schembri ħandu jingħata “il-benefiċċju tad-dubju”. Hekk qalet l-eks deputat u kandidat tal-Partit Laburista f’messaġġ twil u dirett illi kitbet fuq il-media soċjali fl-aħħar sigħat, meta kompliet tisħon il-gwerra li għaddejja fil-Partit Laburista bejn il-fazzjonijiet li qed jimbuttaw lil Chris Fearne u lil Robert Abela.

F’dik li hi mossa ta’ konfrontazzjoni kontra Chris Cardona, Deborah Schembri ħarġet tiddefendi bis-saħħa lill-eks Chief of Staff ta’ Muscat.

Ritratt: Martin Agius

Deborah Schembri insistiet illi dwar Keith Schembri għad m’hemmx imqar akkuża waħda. Dan meta nafu li lbieraħ l-Ispettur Arnaud, taħt ġurament, qal illi Keith Schembri qed ikun investigat fuq akkużi ta’ qtil u tbagħbis ta’ evidenza.

Il-kandidata laburista rabtet isem Keith Schembri mas-suċċessi elettorali.

“Jekk min ta’ ruħu u ġismu biex għamel mill-Partit is-suċċess li hu llum, lanqas qed jingħata l-benefiċċji bażiku tad-dubju minn xi wħud, kemm se jkollna nies li jibqgħu jagħtu ruħhom u ġisimhom għall-partit u għall-moviment jekk aktar ma jaħdmu aktar ikunu prime targets u malli jsiru targets u min għandu l-intenzjoni jħammiġhom jibqa’ jagħmel dan, kulħadd jippretendi li narmuhom ‘l hemm?,” staqsiet l-eks Deputata tal-PL.