L-eks Kap ta’ France Telecom u żewġ eks eżekuttivi mal-kumpanija spiċċaw kundannati l-ħabs b’konnessjoni ma’ politika ta’ ristrutturizzazzjoni li wasslet għal numru ta’ suwiċidji qalb l-impjegati u li seħħew wara l-2000.
L-eks Kap, Didier Lombard, weħel il-ħabs għal sena, bl-istess perjodu ta’ priġunerija jingħata lil Louis-Pierre Wenes u Olivier Barberot – għalkemm tmien xhur minnhom huma sospiżi.
Il-kumpanija – li minn dak iż-żmien issemmiet Orange – kienet immultata madwar 75,000 ewro.
Il-qorti nkarigata mill-proċess kienet eżaminat il-każi ta’ 39 impjegat li dsatax minnhom kienu neħħew ħajjithom — bi tnax oħra jwettqu attentati simili.
Il-ħaddiema l-oħra affettwati spiċċaw jgħixu bid-dipressjoni inkella ma kenux kapaċi jkomplu jaħdmu b’kaġun ta’ riperkussjonijiet psikoloġiċi.
L-effetti traġiċi seħħew waqt process kbir ta’ ristrutturizzazzjoni tal-kumpanija li affettwat lill-eluf ta’ ħaddiema.
Intant, erba’ eżekuttivi oħrajn instabu ħatja dwar kompliċità fl-abbuż psikoloġiku fuq il-ħaddiema u ngħataw sentenzi ta’ ħabs sospiżi għal erba’ xhur u multi ta’ 5,000 ewro.
L-eks President tal-kumpanija, Lombard, l-eks Kap Eżekuttiv, Wenes u Barberot, l-eks direttur tar-riżorsi umani, ukoll ingħataw multi ekwivalenti għal 15,000 ewro. Dan waqt li l-avukat ta’ Lombard qal li l-klijent tiegħu kellu jappella mill-kundanna.
Din hi l-ewwel darba li qorti fi Franza rrikonoxxiet każ ta’ ‘persekuzzjoni istituzzjonali’, meta l-proċess qed jitqies bħala wieħed ‘storiku’ ( fi Franza) f’dak li jirrigwarda relazzjonijiet bejn il-ħaddiema u l-management.
Numru kbir ta’ ħaddiema mal-France Telecom kienu spiċċaw ‘f’sitwazzjoni impossibbli’ meta l-kumpanija – li kienet għadha kemm ġiet privatizzata – bdiet għaddejja minn riorganizzazzjoni kbira. L-eks Kap tal-kumpanija, Lombard, dak iż-żmien kien qed jipprova jissensja mal-22,000 ħaddiema filwaqt li jħarreġ mill-ġdid lil xi 10,000 oħra.
F’dawn iċ-ċirkustanzi, numru ta’ impjegati spiċċaw ittasferiti ‘il bogħod minn familthom jew ‘minsija’ mill-kumpanija – b’oħrajn jingħataw xogħol mhux xieraq għall-kapaċitajiet tagħhom u li kien anki ‘tellfilhom mid-dinjità’.
//= $special ?>