Lokali

AĠĠORNATA: Il-ġurnalist Ivan Camilleri jitkeċċa mit-Times; jiċħad l-akkużi

Illum sar magħruf li t-Times keċċew lill-ġurnalist Ivan Camilleri wara li allegatament kellu kuntatt ma’ Yorgen Fenech, lejlet li dan ipprova jaħrab minn pajjiżna bil-jott.

L-eks ġurnalist tat-Times qed jiċħad l-akkużi kollha.

Ilbieraħ, waqt il-kumpilazzjoni tal-evidenza, l-avukat Jason Azzopardi staqsa lill-Ispettur Keith Arnaud jekk kienx hemm xi ġurnalist li għamel kuntatt ma’ Yorgen Fenech.

Il-gazzetta MaltaToday irrappurtat li l-Pulizija sabet messaġġi fuq WhatsApp li kienu jsemmu lil ċertu “Ivan,” li kien wissa lil Fenech dwar l-arrest tiegħu. Isem ‘Ivan’ issemma fil-messaġġi bejn Yorgen Fenech u zijuh Ray Fenech.

Ivan Camilleri, permezz ta’ stqarrija bl-avukati tiegħu, qed jisħaq li din it-tkeċċija hi inġusta. U se jkun qed jitlob kumpens għad-danni li sofra.