Lokali

Il-UĦM tilħaq ftehim ma’ Cassar Fuel Ltd b’roħs għall-membri tagħha

Wara xhur ta’ diskussjonijiet, ġie ffirmat ftehim deskritt mill-UĦM Voice of the Workers bħala rigal lill-ħaddiema membri tagħha.

Dan hekk kif intlaħaq ftehim bejn din il-union ewlenija f’pajjiżna u Cassar Fuel Limited biex il-membri tal-UĦM igawdu minn skont ta’ 2.5% meta jixtru l-fuel mill-pompi ta’ Cassar.

Dan ifisser li fuq kull litru petrol, il-membri tal-UĦM se jiffrankaw 3 ċenteżmi u nofs, waqt li fuq kull litru diesel wieħed jiffranka tliet ċenteżmi.

Dan il-ftehim hu validu għall-pompi tal-petrol ta’ Cassar, li jinsabu f’Santa Venera, Ħal Lija u Ħal Tarxien.

Ironikament, waqt li l-UĦM ġabet roħs fil-petrol u d-diesel, il-Gvern fis-sajf li għadda għolla l-prezzijiet b’ħames ċenteżmi.Dakinhar, il-UĦM kienet talbet laqgħa urġenti tal-MCESD biex tipprova twettaq pressjoni kontra dan il-piż fuq il-familji Maltin u Għawdxin.