Lokali

”Kastilja spiċċat fabbrika tal-korruzzjoni u pjaċiri” – SĦPN

Fil-Qorti ġie kkonfermat kif Kastilja spiċċat fabbrika tal-korruzzjoni u pjaċiri għall-ftit tal-qalba meta l-eks Chief of Staff ammetta li kien ikollu bejn 50 u 60 talba ta’ impieg mal-Gvern. Illum huwa ċert iktar minn qatt qabel li Kastilja hija metodu korrott sabiex dawk tal-qalba jidħlu mal-Gvern mingħajr ma jsegwu l-proċeduri kollha, fejn dawk li jmorru Kastilja biex jinqdew qed jiġu aġevolati fuq dawk li jmorru f’aġenziji tax-xogħol.

Għalhekk l-SĦPN tistaqsi f’liema impiegi qed jiġu ngaġġati dawn in-nies, jekk dawn li qed ifittxu impieg jiġux riferuti lill-Jobs Plus jew jinstabilhomx impieg direttament minn Kastilja. L-SĦPN tistaqsi wkoll għalfejn ma saritx inkjesta biex tara jekk f’Kastilja kien hemm min jabbuża mill-poter.

Jekk, kif ħareġ mill-Qorti stess, minn Kastilja ngħataw impiegi fantażmi sabiex minn flus il-poplu jgawdu dawk li Gvern Laburista jħoss li għandu jirringrazzja talli qdewh b’xi mod jew ieħor, allura pajjiżna mess il-qiegħ, u dan b’detriment tal-ħaddiema onesti Maltin u Għawdxin.