Il-Prim Ministru Awstraljan, Scott Morrison, talab skuża talli mar għal vaganza fil-Hawaii, din il-ġimgħa, meta l-kriżi tan-nirien qalb l-aħrax kompliet thedded il-ħajja u l-proprjetà tal-poplu tal-Awstralja. In-nirien qegħdin jaħkmu dejjem aktar art, fl-Awstralja, fost heatwave li wasslet għall-aktar żewġt ijiem ta’ sħana tremenda kemm ilhom jinżammu r-rekords.
Intant,żewġ voluntiera mal-iskwadri għat-tifi tan-nirien tilfu ħajjithom huma u jikkumbattu l-fjammi viċin Sydney. Il-voluntiera mietu meta t-trakk li kienu fih intlaqat minn siġra li ċediet għal fuqhom fuq ‘front tan-nirien’ partikulari u bir-riżultat li t-trakk inqaleb għal barra t-triq. L-aħħar rapporti qalu li l-membri tal-iskwadri għall-kontroll tan-nirien madwar l-Awstralja ‘qegħdin jibku t-telfa ta’ żewġ missirijiet żgħażagħ li nqabdu fl-agħar ċirkustanzi immaġinabbli’.
L-aħħar rapport qalu wkoll li persuna ċivili wkoll tilfet ħajjjitha qalb in-nirien fl-Istat ta’ South Australia.
Min-naħa tiegħu, Scott Morrison qal li kien qed jaħseb biex item il-btajjel mill-aktar fis wara li l-assenza tiegħu mill-pajjiż (din il-ġimgħa) — flimkien mal-fatt li hu, inizjalment, ċaħad li jiżvela fejn kien qiegħed — wasslu għal espressjonijiet ta’ kundanna u protesti mill-Awstraljani. Intant, Morrison qal, fi stqarrija, li ‘jiddispjaċih li ħafna Awstraljani ħassewhom offiżi għall-fatt li hu u l-familja kienu telaq għall-btajjel fi żmien meta l-poplu qed ibati l-effetti tal-bushfires terribbli’.
Madankollu, il-kap tal-union tal-ħaddiema għall-kontroll tan-nirien, Leighton Drury, qal li l-Awstralja kienet qed tara ‘nuqqas assolut ta’ tmexxija min-naħa tal-Gvern’ u fisser din is-sitwazzjoni bħala ‘waħda ta’ għajb’.
L-emerġenza tan-nirien fl-Awstralja, s’issa, swiet il-ħajja ta’ tmien persuni, minbarra li qerdet ‘il fuq minn 700 residenza flimkien ma’ miljuni ta’ ettari tal-art.
Dan waqt li feġġew ‘il fuq minn 100 nirien fl-Istat ta’ South Australia, fost il-kundizzjonijiet ‘katastrofiċi’ li kienu rappurtati s’issa. Fl-istess ħin, l-Istat ta’ New South Wales qed iħejji għal kundizzjonijiet perikolużi simili li mistennija jirrankaw fi tmiem il-ġimgħa.
//= $special ?>