Futbol Sport

MFA SportsPlus se tilqa’ 17-il tim għal kamp ta’ taħriġ f’pajjiżna

(Ritratt: Joe Borg)

Total ta’ 17-il klabb se jżuru pajjiżna għal kamp ta’ taħriġ matul ix-xhur tax-xitwa. Dan wara ħidma li saret mill-kumpanija kummerċjali MFA Sports Plus flimkien mal-awtorità Maltija tat-Turiżmu. Fost it-timijiet li ġejjin Malta hemm it-tim Ġermaniż tal-Bundesliga Augsburg, il-klabb Belġjan Club Brugge, Lech Poznan tal-Polonja u Austria Vienna tal-Awstrija.

Iċ-chairman ta’ MFA Sports Plus Jason Micallef qal li minkejja li l-kumpanija hi kummerċjali, l-għan prinċipali hu li t-timijiet nazzjonali u l-klabbs Maltin jiksbu riżultati tajbin. Micallef irringrazzja lit-tmexxija tal-MFA u kompla li aċċetta n-nomina tal-President tal-MFA Bjorn Vassallo wara li ltaqa’ miegħu biex tiġi spjegata l-viżjoni kummerċjali ta’ Vassallo.

Fil-kumpanija MFA Sports Plus hemm involuti l-MFA u l-kumpanija mill-Awstrija SLFC li nħolqot fl-2006. Jason Micallef qal ukoll li l-MFA Sports Plus trid tħares lejn l-assi tal-MFA u kif jistgħu jużawhom aħjar biex jikber id-dħul tal-assoċjazzjoni. Fost il-ħidma ta’ din il-kumpanija hemm li tiffaċilita l-arranġamenti tal-klabbs Maltin fil-kompetizzjonijiet Ewropej kif ukoll semma kif li tista’ tagħti sehem fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar fl-2023.

Is-Segretarju Ġenerali tal-MFA Angelo Chetcuti qal li dan hu eżitu ta’ sena u nofs biss u jemmen li din is-sitwazzjoni hi ta’ benefiċċju għal kulħadd. “Nistgħu nisfruttaw dik il-ħaġa li forsi sa issa ma sfruttajniex,” kompla Chetcuti.

Helmut Amhof mill-kumpanija Maltija rringrazzja lil dawk li huma sħab f’dan il-proġett. Hu qal li din is-sena jinsabu fl-aqwa tagħhom u żied li dawn il-kampijiet ta’ taħrip se jkunu ta’ benefiċċju għall-futbol Malti hekk kif anki l-klabbs qed ikollhom l-opportunità li jilagħbu xi partiti ta’ ħbiberija.

Id-Deputat Kap Eżekuttiv u Kap tal-Marketing tal-MTA Carlo Micallef qal li bħala awtorità se jkomplu jaraw li jkabbru t-turiżmu sportiv f’dawn ix-xhur tax-xitwa u żied li l-isport hu mezz kif ikomplu jippromwovu l-pajjiż.

It-timijiet li se jorganizzaw kamp ta’ taħriġ

Timijiet tal-irġiel – Club Brugge (Belġju), Augsburg (Ġermanja), Honved Budapest (Ungerija), Lech Poznan (Polonja), Banik Ostrava (Repubblika Ċeka), Mlada Boleslav (Repubblika Ċeka), Brno (Repubblika Ċeka), Dunajska Streda DAC (Slovakkja), Banik Ostrava (Repubblika Ċeka), Austria Vienna (Awstrija), Stabaek FC (Norveġja), PSC Academy MLS (Stati Uniti), Tim nazzjonali ta’ taħt il-21 sena tal-Ukrajna, Tim nazzjonali tal-Liechtenstein, Timijiet tan-nisa – SC GOOI Hilversum (Olanda), Tim Nazzjonali tal-Iżvizzera, Tim Nazzjonali tat-Turkija