Id-deputati fil-House of Commons ta’ Londra appoġġjaw il-pjan tal-Prim Ministru Boris Johnson biex ir-Renju Unit jispiċċa minn membru tal-Unjoni Ewropea fil-31 ta’ Jannar.
Il-vot fil-Parlament kien ta’ 358 favur il-Withdrawal Agreement Bill, b’234 deputat jivvutaw kontra. Intant, dritt wara l-vot, l-abbozz tressaq għal aktar skrutinju mill-House of Commons u l-House of Lords, magħmul mill-membri li ma jkunux eletti mill-poplu.
L-abbozz inkwistjoni għandu, fl-istess ħin, jagħlaq il-bieb għal kwalunkwe estensjoni tal-perjodu tat-tranżizzjoni ( li fih ir-Renju Unit ikun qed isegwi ħafna mir-regoli tal-UE minkejja li jkun temm l-isħubija fl-Unjoni) ‘il hinn mill-2020.
Qabel il-vot favur l-abbozz, Boris Johnson insista li l-approvazzjoni tal-‘Brexit bill’ kellu jippermetti biex ir-Renju Unit jimxi ‘il quddiem u jħares b’fiduċja lejn il-ġejjieni.
Ir-riżultat tal-vot, sadanittant, qed jitqies bħala disfatta oħra għall-Kap Laburista, Jeremy Corbyn li l-partit tiegħu, il-ġimgħa l-oħra, spiċċa jsofri l-akbar telfa elettorali mis-snin tletin ‘il hawn.
Dan meta Corbyn, qabel il-vot, ħeġġeġ lid-deputati fil-Parlament biex ma jaċċettawx il-pjan ta’ Boris Johnson għall-Brexit, fejn qal li ‘kien hemm mod aħjar u aktar ġust’ għar-Renju Unit biex itemm l-isħubija fl-Unjoni.
Intant, l-indikazzjonijiet kienu qed juru, minn ġranet qabel, li l-abbozz kellu jgħaddi mingħajr problemi mill-House of Commons wara li l-Konservattivi ta’ Johnson rebħu maġġoranza ta’ 80 siġġu fl-elezzjoni ġenerali tal-ġimgħa l-oħra.
Id-deputati f’Londra anki appoġġjaw il-programm għal aktar dibattitu dwar l-abbozz fuq tlett jiem – bejn is-7 u d-9 ta’ Jannar — ladarba huma jirritornaw fil-House of Commons wara l-btajjel tal-Milied.
Min-naħa tiegħu, il-Gvern qed jgħid li l-abbozz għandu jkun implimentat bħala liġi qabel id-deadline għall-Brexit iffissat għall-31 ta’ Jannar.
Il-leġislazzjoni li tippermetti l-implimentazzjoni tal-ftehim għall-Brexit li Boris Johnson kien laħaq, f’Ottubru, mal-UE kienet introdotta fid-Diskors tal-Ħamis (Queen’s Speech) mir-Reġina Eliżabetta li kien fassal il-prioritajiet tal-Gvern għas-sena d-dieħla.
Hemm ukoll il-bidliet għall-abbozz precedenti li kien appoġġjat mill-House of Commons f’Ottubru, iżda rtirat mill-Gvern wara li d-deputati f’Londra ċaħdu deadline ta’ tlett ijiem biex dan jgħaddi mill-Parlament.
Fost il-bidliet hemm il-permess biex aktar qrati fir-Renju Unit jikkunsidraw mill-ġdid id-digrieti tal-Qorti Ewropea għall-Ġustizzja li qed jinżammu fil-liġi tar-Renju Unit wara Brexit. Sadanittant, l-abbozz anki jitlef klawżola precedenti dwar it-tisħiħ tad-drittijiet tal-ħaddiema.
//= $special ?>