Internazzjonali

Russja: Identifikat ir-raġel wara l-isparatura

L-istampa Russa identifikat lill-aggressur li, aktar kmieni fil-ġimgħa, kien fetaħ in-nar fil-kwartieri-ġenerali tas-Servizzi tas-Sigurtà Federali (FSB) f’Moska bħala raġel ta’ 39 sena li kien jgħix ma’ ommu u li kien dilettant tal-armi tan-nar.

L-aggressur, Yevgeny Manyurov, li kien armat b’azzarin awtomatiku, spiċċa joqtol uffiċjal tal-FSB filwaqt li darab ħamsa oħra – qabel spiċċa maqtul hu stess minn sniper fl-inħawi.

Ingħad li fil-ħin tal-emerġenza, il-President Russu, Vladimir Putin, kien qed jattendi riċeviment gala f’unur l-FSB u li kien organizzat viċin ħafna ta’ fejn seħħet l-isparatura.

Intant, ftit wara l-emerġenza, il-pulizija fittxet fl-appartament ta’ Manyurov waqt li żammew lil ommu għal process ta’ interrogazzjoni.

L-attakk seħħ fid-daħla tal-Lubyanka, il-kwartieri-ġenerali tal-FSB li qabel kienet il-bażi tal-KGB Sovjetika. L-FSB huma responsabbli mill-ġbir tal-informazzjoni sigrieta fuq livell domestiku.