Internazzjonali

Stati Uniti: Trump jinsisti għal ‘proċess ta’ impeachment immedjat’

Il-President Amerikan, Donald Trump, insista biex jibda minnufih il-proċess għall-impeachment tiegħu fis-Senat. Hu saħaq għal ‘dan il-bidu immedjat’ fost id-diżgwid bejn id-Demokratiċi u r-Repubblikani dwar iż-żmien tal-proċess inkwistjoni.

Il-Kamra tar-Rappreżentanti f’Washington, din il-ġimgħa, iddeċidiet li Trump irid jgħaddi minn impeachment fuq akkużi ta’ abbuż ta’ poter u tfixkil għall-ħidma tal-Kungress Amerikan. Madankollu, id-Demokratiċi, bħala l-instigaturi tal-proċess, irrifjutaw li jibdew il-każ skont l-argument li s-Senat (kontrollat mir-Repubblikani) qed jirrifjuta x-xhieda ‘minbarra li mhux se jaċċerta li l-proċess ikun wieħed gust u xieraq’.

Il-fatt li l-maġġoranza tal-membri fis-Senat huma Repubblikani qed jindika li hu kważi ċert li l-President mhux se jinstab ħati mill-akkużi miġjuba kontra tiegħu.

Dan meta l-proċess għall-impeachment iġġenera sens ta’ anomosità partikulari bejn il-Partit Demokratiku u l-Partit Repubblikan fil-Gvern, bl-argumenti reċiproċi relatati mal-każ għall-impeachment jibbażaw fuq il-linji partiġġjani rispettivi.

Akkuża ewlenija fil-konfront ta’ Trump tinvolvi sitwazzjoni fejn il-President Amerikan, allegatament, wettaq pressjoni fuq l-Ukrajna biex tipproduċi informazzjoni li tixħet dawl ikrah fuq Joe Biden, ir-rivali ta’ Trump mal-Partit Demokratiku, u ibnu, Hunter. It-tieni akkuża hi li l-President Trump irrifjuta li jikkoopera mal-investigazzjoni tal-Kungress dwar il-kwistjoni.

Sadanittant, Donald Trump bagħat messaġġi fuq Twitter fejn akkuża lid-Demokratiċi b’li ma jridux, fil-verità, jaslu għall-proċess ‘għaliex il-każ tagħhom kontra tiegħu tant hu ħażin u nieqes mill-kredibbiltà’. Hu kompla li d-Demokratiċi ma għandhom l-ebda provi dwar dak li qed jissostanzjaw dwaru ‘u filwaqt li huma jridu joħorġu minn din is-sitwazzjoni, hu ( il-President) qed jinsisti biex il-proċess jibda immedjatament’.

Min-naħa tagħhom, id-Demokratiċi qed jgħudu li r-Repubblikani ta’ Trump qegħdin ‘joqomsu’ dwar il-preżentazzjoni tax-xhieda. Biex jibdew l-affarijiet, il-Kamra tar-Rappreżentanti kontrollata mid-Demokratiċi trid tittrasmetti l-artikli tal-impeachment lis-Senat, iżda Nancy Pelosi, l-Ispeaker tal-Kamra, qed tirrifjuta dan sakemm ir-regoli tal-proċess tas-Senat ikunu aċċettabbli għad-Demokratiċi.