Lokali

Il-Poplu għandu jkun jaf min qiegħed iġib l-interess Nazzjonali l-ewwel u qabel kollox

Il-membri parlamentari Laburisti qed jippersistu li jipproteġu l-interess personali tagħhom, meta jibqgħu jipproteġu lil Joseph Muscat.

Iddikjara dan il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia fi tmiem laqgha li kellu mal-President ta’ Malta George Vella. Laqgħa li ssejħet wara l-appell qawwi li ghamel l-istess Adrian Delia il-jum ta’ qabel.

Il-President ta’ Malta, fi stqarrija hu wkoll ikkonferma li għamel dak kollu li jista’, skont il-poteri li ttih il-Kostituzzjoni, fid-dawl tal-kriżi politika li għaddej minnha pajjiżna.

Iddikjara li l-Kostituzzjoni ma tagħtihx setgħat legali, Kostituzzjonali jew Eżekuttivi, li jneħħi lill-Prim Ministru mill-kariga sakemm ikun għadu jgawdi l-appoġġ tal-maġġoranza tal-Membri tal-Kamra tad-Deputati.

Fi kliem ieħor, il-President ukoll issa tefa’ l-ballun f’saqajn il-grupp parlamentari Laburista – l-istess deputati li ripetutament ivvutaw unanimament biex jiddefendu lil Joseph Muscat u lil Keith Schembri.

Il-Kap tal-PN kien talab lill-President Vella jaġixxi fil-konfront tal-Prim Ministru, biex b’hekk pajjiżna jkun jista’ jħares ‘il quddiem u jirritorna għan-normalità. L-appell, izda, kien dirett ukoll lejn id-deputati tal-Gvern.Inutli jkollna lil dawk li għada pitgħada jridu jew qed jittentaw li jkunu fil pożizzjoni ta’ Prim Ministru ta’ pajjiżna jgħidu x’se jagħmlu, jgħidu li huma favur is-saltna tad-dritt, jgħidu li ser jerfgħu huma r-reponsabbiltà politika, saħaq Adrian Delia.