Il-logħba ta’ għada se tkun ripetizzjoni ta’ dak li ġara ftit aktar minn sena ilu. Dakinhar Valletta kienu rebħu 2-1 b’gowls minn awto-gowl ta’ Michael Johnson u Mario Fontanella, b’Alex da Paixao Alves kien ġab id-draw momentarju. Dan kien it-12-il suċċess ta’ Valletta fil-kompetizzjoni filwaqt li Balzan għadhom qed ifittxu l-ewwel unur fis-Super Cup. Minn Diċembru tas-sena l-oħra, Valletta rebħu l-25 kampjonat fl-istorja tagħhom u Balzan rebħu l-FA Trophy b’rebħa bl-għoti tal-penalties kontra l-istess Valletta, unur li kien l-ewwel wieħed fl-istorja tagħhom.
Lejliet il-konfront, il-kowċ ta’ Valletta Darren Abdilla qal li t-tim tal-Belt imdorri jilgħab dawn it-tip ta’ logħbiet u jħossuhom ottimisti għal dan il-konfront. Hu għamel referenza għal fatt li kulħadd jikkumparahom mal-istaġun li għadda.
Il-kowċ ta’ Balzan Jacques Scerri qal li din il-logħba hi okkażjoni memorabbli għalihom biex jerġgħu jiksbu unur. “Aħna bdejna mhux tajjeb imma qegħdin fit-triq it-tajba u qed insibu stabbiltà.”
Abdilla semma li mill-istaġun ma kienx hemm tlieta mill-erba’ barranin influwenti tal-istaġun, Valletta waslu sat-tielet rawnd f’kompetizzjoni Ewropea u qed jintroduċu ż-żgħażagħ. “Dawn il-fatturi għal xi uħud huma skużi imma mhumiex.
Il-captain ta’ Valletta Jonathan Caruana qal li għal klabb kull unur importanti. “Għalija l-iktar unur importanti hu li jmiss u jimmotivana l-fatt li ma nħallux tazza taħrab minn idejna,” qal Caruana.
Steve Bezzina, captain ta’ Balzan, qal li se jagħmel minn kollox flimkien ma’ sħabu jġibu l-unur, rebħ ta’ tazza li għalihom tfisser kontinwità. Balzan ma kellhomx bidu tajjeb fil-kampjonat, l-istess bħal dak l-istaġun li għadda. Id-difensur qal li bħala tim iridu jsibu l-konsistenza biex jiksbu riżultati aħjar.
Balzan se jkollhom nieqes lid-difensur Michael Johnson filwaqt li Valletta se jkollhom l-iskwadra kollha, bl-eċċezzjoni ta’ Santiago Malano li għadu mhux fl-aħjar kundizzjoni, għalkemm qed jitħarreġ mat-tim.
Iż-żewġ kowċis jemmnu fil-potenzjal tal-kowċis Maltin
Għal din il-logħba, iż-żewġ timijiet se jkunu mmexxija minn żewġ kowċis Maltin. Mistoqsi minn dan il-ġurnal, jekk dan il-fatt jagħmilx kuraġġ lill-kowċis Maltin li jistgħu jmexxu fost l-aqwa timijiet Maltin, Abdilla tkellem bl-aktar mod onest.
“Id-differenza bejn il-kowċis ma għandix tkun. Sa fejn naf jien, mill-14-il kowċ tal-Kampjonat Premier, tnejn biss rebħu kampjonat li huma Andrè Paus u Mark Miller. Hemm ħafna kowċis Maltin li huma validi. Id-differenza hi l-kundizzjonijiet huma differenti u kowċis barranin huma aktar rispettati minnha.”
Jacques Scerri żied ma’ dan il-kumment u qal li “s-sagrifiċċji li jsiru mill-kowċis Maltin huma indeskrivibbli u nħoss li l-kowċis Maltin huma sottovalutati.”
//= $special ?>