Lokali

Yorgen Fenech jiftaħ rikors kostituzzjoni

L-imprenditur Malti Yorgen Fenech, akkużat li hu komplici fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, fetaħ rikors kostituzzjonali fejn jittimbra l-investigazzjoni bħala waħda dilettanteska.

Dan l-għada li fil-Qorti xehed kontrih Keith Arnaud, l-investigatur ewlieni li Yorgen Fenech diġa’ qed joġġezzjona għalih f’kawża separata.

Ir-rikors ġdid imressaq minn Fenech jinnota kif lejliet, fil-kumpilazzjoni tax-xhieda kontrih, ħareġ kif il-mobile ta’ Keith Schembri ma ġiex sekwestrat mill-investigaturi.

Dan għaliex, l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru, iddikjara mal-investigaturi li kien tilef il-mobile. Konsegwenza ta’ dan, il-Pulizija qatt ma ssekwestrawh u allura mhux possibbli jinqraw messaġġi li allegatament jikxfu kif kien jikkomunika ma’ Yorgen Fenech waqt l-investigazzjonijiet.

Apparti minn hekk, f’dan l-iktar rikors riċenti, Yorgen Fenech jinnota wkoll kif Keith Arnaud stess ammetta li ma kienx jaf li kien hemm ħbiberija kważi intima bejn Keith Schembri u Yorgen Fenech.

Dan minkejja li din il-ħbiberija kbira ġiet notifikata lill-investigaturi minn Melvin Theuma, il-middleman f’dan l-assassinju u r-raġel li ħa l-maħfra presidenzjali biex jgħid il-verità kollha dwar dan il-każ.

Yorgen Fenech qed jitlob li x-xhieda tal-Ispettur Arnaud, li ta l-Ħamis, tkun miżjuda wkoll fil-kawża kostituzzjonali separata li qed tinstemà quddiem il-Maġistrat Wenzu Mintoff, fejn għaddejja talba biex Arnaud jitneħħa minn investigatur ewlieni fil-każ kontrih.

L-Avukati Gianluca Caruana Curran u Marion Camilleri ressqu r-rikors f’isem Yorgen Fenech, fejn jissemma’ mill-ġdid kif Keith Schembri possibbilment hu l-moħħ wara l-assassinju.

Din hi xi ħaġa li Yorgen Fenech sahaq ripetutament…u li Schembri qed jichad.Il-Ħamis, fil-Qorti, anke l-investigatur Keith Arnaud iddikjara li Keith Schembri għadu qed jiġi investigat b’rabta mal-omiċidju.