Carlo Ancelotti nħatar manager ta’ Everton b’kuntratt ta’ erba’ snin u nofs. L-aħbar kienet ilha fil-media internazzjonali tul din il-ġimgħa iżda l-aħbar b’mod uffiċjali ħarġet madwar siegħa qabel id-draw li Everton kisbu kontra Arsenal. Fil-fatt, Ancelotti kien preżenti f’Goodison Park flimkien mas-sid Farhad Moshiri u ċ-chairman Bill Kenwright.
Ancelotti se jmexxi l-ewwel logħba kontra Burnley l-għada tal-Milied. Hu se jkollu miegħu bħala assistenti lit-tifel tiegħu Davide Ancelotti u lil Duncan Ferguson, il-persuna li mexxa b’mod temporanju lit-tim wara t-tkeċċija ta’ Marco Silva. Ferguson mexxa lil Everton fir-rebħa ta’ 3-1 kontra Chelsea, id-draw ta’ 1-1 kontra Manchester United u t-telfa bil-penalties kontra Leicester fil-League Cup fost il-ġimgħa.
Fl-ewwel kummenti tiegħu, Ancelotti qal li Everton hu klabb mill-aqwa bi storja antika u partitarji passjonisti. “Hemm viżjoni ċara mis-sid u l-bord biex jinkisbu t-trofej. Dik hi xi ħaġa li tappella għalija u ninsab kuntent li se nkun nista’ naħdem ma’ kulħadd fil-klabb biex ngħin din il-viżjoni ssir realtà.”
Il-ħatra ta’ Ancelotti titqies bħala akkwist importanti għal Everton li għandhom l-għan li jippruvaw jidħlu fl-Europa League. Iżda l-ħsibijiet tagħhom marru ħażin hekk kif Everton bdew il-logħba tal-lum fis-16-il post, tliet punti fiż-żona tar-relegazzjoni.
Ancelotti beda l-karriera ta’ kowċ ma’ Reggiana fl-istaġun 1995/96 u kellu esperjenzi ma’ Parma, Juventus u Milan. Fl-2009, Ancelotti ngħaqad ma’ Chelsea fil-Premier League u f’żewġ staġuni rebaħ il-kampjonat, l-FA Cup u l-Community Shield. Hu kellu wkoll esperjenzi ma’ PSG, Real Madrid u Bayern Munich qabel irritorna fl-Italja ma’ Napoli.
//= $special ?>