Lokali

Il-ħalfa ta’ Chris Fearne

Għal Chris Fearne, l-agħar ġurnata ta’ ħajtu kienet l-elezzjoni tal-2008 għaliex kienet intrebħet mill-Partit Nazzjonalista.

Waqt laqgha mal-attivisti fil-kampanja elettorali għat-tmexxija tal-Partit Laburista fir-Rabat, Għawdex, il-Ministru Chris Fearne qal li dakinhar hu kien iddeċieda li joħroġ għall-politika għal skop wieħed. Fearne saħansitra ħalef li se jidħol fil-politika sabiex sakemm jibqa’ ħaj, ma jerġax jara lill-Partit Nazzjonalista fil-Gvern.

Matul din il-laqgħa politika, Fearne kompla jilgħab għall-gallarija fejn filwaqt li jdoqq diska f’intervisti u parteċipazzjonijiet televiżivi ma’ media u ġurnalisti indipendenti jitkellem mod iżda mal-partitarji jitkellem xort’oħra.

Il-Ministru li qed jaspira li jkun il-Prim Ministru tal-Maltin u l-Għawdxin kollha, jiddikjara b’mod mill-iktar ċar li s-sejħa tiegħu għall-ħajja pubblika fil-politika għandha għan wieħed biss.

Matul l-istess laqgħa, Chris Fearne qal li tgħallem ħafna mingħand Joseph Muscat, fosthom kif imexxi partit u pajjiż.

Dawn id-dikjarazzjonijiet ikomplu jqanqlu tħassib li ż-żewġ rivali għat-tmexxija tal-Partit Laburista, mhux vera li se jpoġġu l-pajjiż l-ewwel u jwettqu t-tibdil meħtieġ, iżda li se jħallu kollox kif inhu.