Lokali Qorti

Jinżamm arrestat imprenditur Taljan li jgħix Malta

Intraprenditur Taljan inżamm arrestat mill-Qorti wara li appella għall-mandat t’arrest Ewropew fil-konfront tiegħu għat-tieni darba.

It-taljan, li ilu jgħix Malta għal dawn l-aħħar għaxar snin, kien ra deċiżjoni inizzjali tal-Qorti li testraddih lejn l-Italja imdawwra ftit tax-xhur ilu.

Antonio Ricci, ta’ 43 sena, irċieva mandat ġdid ta’ arrest nhar il-Gimgħa. Mandat li ħareġ mill-awtoritajiet taljani ta’ Reggio Calabria u li qanqlet lill-awtoritajiet Maltin biex jieħdu azzjoni,

Is-smigħ tas-Sibt waranofsinhar kien wieħed intensiv li ra argumenti jaħarqu bejn l-avukati ta’ Ricci u dawk tal-uffiċju tal-Avukat Ġenerali.

Wara li semgħet il-fatti kollha, il-Maġistrat Doreen Clarke caħdet it-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest, u spjegat li peress li l-proċeduri l-ġodda qed jirreferu għal att kriminali skont il-liġi Taljana li hu suġġett għal piena ta’ minn tal-anqas 7 snin ħabs, fosthom evażjoni tat-taxxa, hemm il-biza’ li Ricci jista’ jipprova jevita proċuduri kriminali.

Is-Supretendent Christopher Galea u l-Ispettur Mark Galea mid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Internazzjonali mexxew il-prosekuzzjoni.

L-avukati  Matthew Xuereb u Charles Mercieca mill-uffiċju tal-Avukat Generali assistew il-prosekuzzjoni, filwaqt li l-avukati Franco Debono, Arthur Azzopardi, Stephen Tonna Lowell u Amadeus Cachia dehru għall-akkużat.