Id-Deputat u kandidat għat-tmexxija tal-Partit Laburista, Robert Abela se jkun qed jimxi fuq l-istess poltiika ta’ Joseph Muscat – dik li jistenna l-inkjesti.
Minkejja li pajjiżna spiċċa fl-akbar kriżi poltika fl-aħħar 40 sena, propju minħabba din it-tip ta’ politika, Abela qal li hu juża l-istess stil.
Staqsejna lil Robert Abela, jekk hux dispost li jwarrab persuni fil-kabinett li jinsabu suġġetti għal inkjesta kriminali, fosthom il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna u l-Ministru tal-Ekonomija Chris Cardona, Hu wieġeb li le.
Robert Abela kien qed jippreżenta waħda mill-proposti tiegħu għal din il-kampanja, dwar il-mediċini disponibbli mill-Gvern, iżda meta aħna staqsejnih x’sar mill-wegħda elettorali tal-Labour li titwassal il-mediċina lill-anzjani b’xejn id-dar tagħhom, hu baqa jdur mal-lewża u fl-aħħar, ammetta li din il-miżura għadu ma sarx studju dwar kemm se tiswa u allura ma tistax issir.
“M’inhix se nagħmel wegħdi li ma jkunux costed u li ma jistgħu jiġu implimentati”.
Abela ikkonferma wkoll li l-grupp parlamentari Laburista kien qed jinjora għal kollox ir-responsabbiltà li tefa fuqhom il-President tar-Repubblika George Vella, meta l-Ġimgħa saħaq li hu m’għandux poteri li jneħħi lill-Prim Ministru, iżda li din is-saħħa tinsab biss fil-Kamra tar-Rappreżentati, u filwaqt li l-Oppożizzjoni ilha l-ġimgħat tisħaq li Joseph Muscat għandu jwarrab b’mod immedjat sabiex pajjiżna jerġa jibda jsib l-istabbilità tant meħtieġa bħalissa, id-Deputati Laburisti mhumiex disposti li jerfgħu din ir-responsabbiltà, u għaldaqstant se jkunu qed iżommu lill-pajjiż fi status quo.
Intant, waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet li Robert Abela għażel li jagħmilha fi spiżerija, huwa żerżaq ukoll isem ir-rivali tiegħu fit-tiġrija, dak tal-Ministru Chris Fearne, bħala l-Ministru tas-Saħħa jekk hu jkun elett mexxej tal-Partit Laburista u Prim Ministru.
//= $special ?>