Futbol Sport

Liverpool ifittxu li jirbħu t-Tazza tad-Dinja tal-klabbs għall-ewwel darba

(Ritratt: EPA)

Il-manager ta’ Liverpool Jurgen Klopp jittama li d-difensur ċentrali Virgil van Dijk jirritorna biex jilgħab il-finali kontra Flamengo. L-Olandiż tilef ir-rebħa ta’ 2-1 li Liverpool kisbu kontra Monterrey fis-semifinali minħabba li kien ma jiflaħx.

Klopp ikkonferma li van Dijk tħarreġ ilbieraħ u d-deċiżjoni se tittieħed fl-aħħar minuti. B’Joel Matip u Dejan Lovren ukoll assenti, Jordan Henderson ifforma l-koppja difensiva ma’ Joe Gomez. Fabinho hu mweġġa’ filwaqt li Georginio Wijnaldum mhux mistenni li jirkupra wara li weġġa’ l-ġimgħa l-oħra kontra Watford.

Din il-logħba hi opportunità oħra għal Liverpool biex jiksbu t-tielet unur fis-sena, iżda forsi din il-logħba hi aktar importanti għall-partitarji ta’ Flamengo milli għal dawk tal-Ingliżi. Il-kompetizzjoni sfurzathom biex jilagħbu fil-League Cup b’tim żagħżugħ u sussegwentament spiċċaw eliminati. Fl-Amerika ta’ Isfel, il-klabbs jaraw l-opportunità li jilagħbu kontra timijiet Ewropew li huma meqjusa fost l-aqwa fid-dinja.

Il-kowċ ta’ Flamengo Jorge Jesus kellu impatt kbir fil-klabb. L-eks kowċ ta’ Benfica u Sporting Lisbon, ħa t-tmexxija tat-tim f’Ġunju u mexxa lit-tim għar-rebħ tal-Copa Libertadores f’Novembru, b’rebħa fil-finali għelbu lil River Plate. Sussegwentament huma rebħu l-kampjonat Brażiljan li kien l-ewwel wieħed mill-2009. Liverpool għadhom qatt ma rebħu l-unur filwaqt li Flamengo rebħu t-Tazza Interkontinentali fl-1981.