Futbol Sport

Liverpool jirbħu t-Tazza tad-Dinja tal-klabbs għall-ewwel darba

(Ritratt: EPA)

Gowl fil-ħin barrani ta’ Roberto Firmino ta rebħa ta’ 1-0 liċ-champions Ewropej Liverpool kontra ċ-champions tal-Amerika ta’ Isfel Flamengo biex rebħu t-Tazza tad-Dinja tal-klabbs għall-ewwel darba fl-istorja tagħhom. Firmino skorja l-gowl rebbieħ fid-disa’ minuta tal-ħin barrani biex rebbaħ it-tielet unur f’din is-sena għat-tim Ingliż. L-attakkant Brażiljan mar qrib li jiftaħ l-iskor meta laqat il-lasta żewġ minuti wara l-mistrieħ.

Fil-ħin miżjud tal-ħin regolamentari seħħet sitwazzjoni kontroversjali meta r-referee mill-Qatar Abdulrahman Al Jassim ordna penalty għal fawl ta’ Rafinha fuq Sadio Mane. Iżda d-deċiżjoni nbidlet wara li r-referee segwa l-azzjoni permezz tal-VAR u ddeċieda li ma kienx penalty minħabba li l-azzjoni seħħet barra l-kaxxa. Liverpool tilfu lil Alex Oxlade-Chamberlain fit-tieni taqsima minħabba li weġġa’ l-irkoppa, l-istess irkoppa leminija li kien weġġa’ fl-2018 u prattikament tilef sena mil-logħob.

(Ritratt: EPA)

Fil-logħba għat-tielet u r-raba’ post, it-tim Messikan Monterrey għeleb lil Al Hilal tal-Arabja Sawdija 4-3 bl-għoti tal-penalties wara li l-logħba fil-ħin regolamentari ntemmet 2-2. Carlos Eduardo poġġa lil Al Hilal minn fuq fil-35 minuta iżda Monterrey dawru l-iskor b’gowl ta’ Arturo Gonzalez fil-55 minuta u Maximiliano Meza ħames minuti wara. Is-sostitut Bafetimbi Gomis ġab id-draw fis-66 minuta. Il-logħbiet kompliet bl-għoti tal-penalties, bil-gowlkiper Luis Cardenas iċaħħad lil Eduardo u Mohamed Kanno qabel skorja l-penalty rebbieħ.