Manchester City għelbu lil Leicester City fil-konfront bejn l-aktar żewġ timijiet li kapaċi joffru sfida lil Liverpool – il-leaders tal-Premier League u favoriti assoluti għall-ewwel rebħ tal-kampjonat mill-istaġun 1989/90. Liverpool ma kinux impenjati fil-kampjonat domestiku minħabba li kienu qed jilagħbu l-finali fit-Tazza tad-Dinja tal-klabbs u City approfittaw biex ħadu punti massimi mil-logħba fl-Etihad Stadium u minkejja li l-Foxes kienu kisbu vantaġġ bikri fit-22 minuta b’gowl tas-solitu Jamie Vardy.
Il-gowl qajjem lil City, bl-eks Leicester Riyad Mahrez jikseb id-draw tmien minuti wara, bis-Citizens imorru fil-vantaġġ qabel il-mistrieħ meta fit-43 minuta Ilkay Gundogan skorja penalty li ngħata għal fawl fil-kaxxa ta’ Pereira fuq Sterling. Fit-tieni taqsima, Manchester City aċċertaw mir-riżultat meta fis-70 minuta Gabriel Jesus dawwar għal ġewwa il-kross ta’ Kevin de Bruyne, bit-tim tiegħu jibqa’ t-tielet fil-klassifika, bi żvantaġġ ta’ punt biss mill-Foxes u bi ħdax-il punt żvantaġġ mar-Reds ta’ Jurgen Klopp.
Everton u Arsenal spiċċaw fi draw mingħajr gowls f’Goodison Park, bil-logħba tkun aktar interessanti mill-aspett ta’ tibdil fil-management tal-klabbs rispettivi. Dan wara li Carlo Ancelotti kien ikkonfermat manager ta’ Everton minflok l-imkeċċi Marco Silva u b’Mikel Arteta isegwi l-Gunners għall-ewwel darba fejn qed jieħu t-tmun minn idejn il- manager temporanju, Freddie Ljungberg li mexxa lit-tim għall-aħħar darba.
L-aktar li waslu qrib l-iskor kienu fil-fatt Arsenal, b’Gabriel Martinelli, fl-ewwel taqsima, jara t-tentattiv tiegħu jgħaddi ftit barra. Wara l-mistrieħ il-gowlkiper ta’ Everton, Pickford, wettaq save tajjeb fuq Pierre-Emerick Aubameyang, b’Everton li kienu mmexxija għall-aħħar darba mill-manager temoranju Duncan Ferguson, jikkontrollaw il-logħba għal ħinijiet twal mingħajr ma jkunu wisq perikolużi.
Southampton ħarġu miż-żona l-ħamra b’rebħa tajba ta’ 3-1 fuq Aston Villa li ddiżappuntaw bil-kbir quddiem il-pubbliku ta’ Villa Park. B’din ir-rebħa, is-Saints qabżu lill-istess Villa li niżlu fit-tmintax-il post tal-Premier League, b’vantaġġ ta’ sitt punti fuq it-tim tal-qiegħ Watford. Southampton fetħu l-iskor fil-21 minuta meta Danny Ings sab ix-xibka wara li l-gowlkiper Heaton salva parzjalment it-tentattiv ta’ Shane Long.
Imbagħad kien imiss lil Jack Stephens li fit-31 minuta rdoppja għal Southampton fuq il-korner ta’ Ward-Prowse u wara l-mistrieħ, Ings kompla jkabbar il-miżerja għall-Villains meta approfitta mill-iżball ta’ Marvelous Nakamba għat-tielet gowl. Villa setgħu jwieġbu biss meta fil-75 minuta Jack Grealish sab l-angolu tax-xibka b’xutt mill-bogħod, bis-Saints minn dak il-ħin, jiddefendu l-punti mirbuħa mingħajr wisq affann.
Gowl ta’ Jay Rodriguez skurjat fid-89 minuta ta rebħa lil Burnley fuq Bournemouth, f’logħba pjuttost monotona fil-Vitality Stadium. Iż-żewġ naħat tul il-logħba naqsu milli jimpenjaw severament lid-difiżi avversarji u kellu jkun Rodriguez, li kwarta mit-tmiem, daħal jilgħab bħala sostitut minflok Ashley Barnes, u provda l-mument deċiżiv meta sammar ġewwa bir-ras fuq l-assist ta’ Westwood.
Sheffield United komplew bil-perjodu pożittiv fejn gowl uniku ta’ Oliver McBurnie, skurjat f’nofs l-ewwel taqsima kien biżżejjed biex jikkundanna lil Brighton għal telfa fl-Amex Stadium. B’din ir-rebħa li hi t-tielet waħda konsekuttiva għalihom fil-kampjonat – il-Blades telgħu l-ħames fil-klassifika, bis-Seagulls għadhom jittamaw li juru forma aħjar f’perjodu mill-aktar importanti tal-istaġun.
Il-gowl ta’ McBurnie kien wieħed mistħoqq meta Sheffield United iddominaw kompletament l-ewwel taqsima, bl-eks attakkant ta’ Swansea jixħet ġewwa fit-23 minuta, wara li kien ġera għal ballun twil tal-gowlkiper Henderson. Intant, il-Blades kellhom żewġ gowls oħra mħassra bil-VAR, bi Brighton ukoll ikollhom gowl ta’ Neal Maupay imħassar għal offside ta’ Montoya.
Miguel Almiron skorja l-ewwel gowl tiegħu għal Newcastle United biex aċċerta lill-Magpies minn rebħa fl-aħħar nifs kontra Crystal Palace, f’St James Park. Il-logħba ftit ipproduċiet azzjonijiet perikolużi, iżda fit-83 minuta, Andy Carroll niżżel ballun bir-ras lil Almiron, bl-attakkant minn Paragwaj isib ix-xibka b’volley. Palace kellhom ħafna mill-pussess u kellhom tentattiv kull taqsima minn Zaha u Benteke li kienu salvati mill-gowlkiper Dubravka.
Wolves dawru telfa f’rebħa ta’ 2-1 ma’ Norwich City f’Carrow Road għal riżultat li jżid il-problemi tal-Canaries, li jinsabu t-tieni mill-aħħar fil-klassifika tal-Premier League. Kienu fil-fatt, Norwich li ddominaw l-ewwel taqsima u huma marru meritatament fil-vantaġġ meta fis-17-il minuta Todd Cantwell seraq loose ball u għeleb lill-gowlkiper Rui Patricio. Intant, Wolves dehru tim mibdul fit-tieni 45 minuta, b’Romain Saiss jagħmilhom 1-1 bir-ras mas-siegħa logħob u b’Jimenez aċċerta r-rebħa meta spara ġewwa, sekondi wara li l-gowlkiper Krul kien ċaħħad lil Doherty.
Premier League
Illum: Aston Villa v Southampton 1-3, Bournemouth v Burnley 0-1, Brighton v Sheffield United 0-1, Everton v Arsenal 0-0, Manchester City v Leicester 3-1, Newcastle v Crystal Palace 1-0, Norwich v Wolves 1-2, West Ham v Liverpool posposta
Għada: Watford v Manchester United 3.00pm, Tottenham v Chelsea 5.30pm
//= $special ?>