Lokali

Manuel Mallia jipponta għal Ministru?

Hekk kif ta’ kuljum issa qed naraw liż-żewġ kandidati għat-tmexxija tal-Partit Laburista jħarrxu l-kampanji rispettivi tagħhom biex jieħdu post Joseph Muscat, li se jibqa’ mwaħħal f’postu sat-12 ta’ Jannar, mhumiex biss id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Chris Fearne u d-deputat u konsulent ta’ Joseph Muscat Robert Abela li għaddejjin bil-kampanji.

Ma jistax jonqos li issa li f’Jannar mistenni jkollna Prim Ministru ġdid, il-membri tal-Grupp Parlamentari Laburista bdew ukoll bl-isforzi tagħhom biex jieħdu posthom huma wkoll fil-Kabinett il-ġdid ta’ Fearne jew Abela wara t-12 ta’ Jannar.

Wieħed minn dawk li beda juri li qed jerġa jfittex post fil-Kabinett huwa l-eks Ministru tal-Intern Manuel Mallia. Dan hekk kif f’post fuq Facebook isaqsi “f’liema kariga tixtiex li jirrappreżentak Manuel Mallia fl-2020?” (

Mallia kien tkeċċa minn Muscat mingħajr telf ta’ ħin u mingħajr stennija ta’ inkjesti fil-konfront tiegħu. Dan wara li x-xufier ta’ Mallia kien spara fuq karozza wara li laqtitlu l-karozza Ministerjali.

Dak iż-żmien Joseph Muscat kien qal li lil hinn minn kull inkjesta, l-għażla li kien tal lil Manuel Mallia kienet li jew jirreżenja jew ineħħih hu stess.

L-inċident seħħ lura fl-2014, u Mallia tilef immedjatament postu fil-kabinett tal-Ministri.

Minkejja li Manuel Mallia reġa ġie elett mal-ewwel att fl-2017, baqa’ ma ngħatax post fil-kabinett. Kejl differnti għal kollox minn dak li uza l-istess Prim Ministru Joseph Muscat ma’ diversi ministri u persuni oħra qrib tiegħu fuq każi ferm aktar gravi minn din ta’ Mallia,u minn dak li uża ma’ Michael Falzon, li wara l-iskandlu ta’ Strada Zekka reġa ingħata post fil-kabinett fl-2017, meta inħatar Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali.