Lokali

Muscat jibqa’ sal-aħħar ma jikkundannax lil Keith Schembri

Baqa’. Jiddefendih. Sal-aħħar.

Il-Prim Ministru li f’inqas minn tlett ġimgħat oħra jkun, skont hu stess, backbencher, baqa’ sal-aħħar jiddefendi lil Keith Schembri, l-eks Chief of Staff tiegħu li issa nafu li jinsab investigat b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Wara li aktar kmieni din il-ġimgħa l-ispettur Keith Arnaud, fix-xhieda tiegħu fil-Qorti qal li Keith Schembri qed ikun investigat b’rabta mal-omiċidju, Muscat baqa’ fl-ebda ħin ma ddisassoċja jew iddistakka ruħu minn mal-ħabib intimu tiegħu li kellu uffiċju bieb ma bieb miegħu għal dawn l-aħħar seba’ snin.

Dakinhar stess li ħabbar ir-riżenja ta’ Keith Schembri, Joseph Muscat irringrazzja lill-istess Schembri tax-xogħol li għamel għal pajjiżna.

L-għada, fil-Parlament, Muscat reġa ħareġ għonqu għal Schembri u saħansitra rrefera għalih bħala “cittadin privat”, daqs li kieku l-eks Chief of Staff tiegħu ma kellux fuqu responsabbiltajiet ferm akbar minn dawk ta’ ċittadin komuni.

U minkejja li f’nifs wieħed jirreferi għal Schembri bħala ċittadin privat, jgħid li s-suċċess ekonoimiku ta’ pajjiżna huwa dovut propju lil Schembri u jibqa jirringrazzjah tax-xogħol li għamel.

Sal-ġurnata tal-lum, anke wara li ħarġet l-aħbar li Keith Schembri issa jinsab taħt investigazzjoni dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, kuntrarju għal sħabu u ħafna esponenti u opinjonisti marbuta mal-Partit Laburista, Muscat baqa’ ma kkundannax lil Keith Schembri.