Lokali

Pajjiżna għaddej minn kriżi politika kbira li jaħti għaliha l-Gvern ta’ Joseph Muscat

“Pajjiżna issa huwa l-uniku pajjiż Ewropew fejn l-Ufficcju tal-Prim Ministru qed jiġi investigat għall-assassinju ta’ ġurnalista. Fejn il-Kummissarju tal-Pulizija jipproteġi l-kriminali u fejn l-Avukat Ġenerali jiddikjara mal-midja li xogħlu huwa li jikser il-Kostituzzjoni.”, hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien intervistat fuq NET FM.

Adrian Delia qal li qatt daqs illum m’hi qed tinħass ħtieġa ta’ bidla mill-qiegħ f’pajjiżna. Huwa qal li din il-ġimgħa talab lil President jieħu azzjoni biex tiġi indirizzata l-kriżi politika kbira li daħħalna fiha Joseph Muscat. Min-naħa tiegħu, l-Uffiċċju tal-President iddkjara li l-Kostituzzjoni ta’ Malta ma’ tagħtihx is-saħħa li jagħmel dan sakemm Joseph Muscat jibqa’ jgawdi l-fiduċja tal-Grupp Parlamentari tiegħu, għalhekk għandhom ikunu d-Deputat Prim Ministru, l-kontestanti għall-kariga ta’ Prim Ministru u l-Grupp Parlamentari Laburista li jieħdu azzjoni u jneħħu minnufih lil Joseph Muscat minn Prim Ministru, fl-interess nazzjonali. 

Hu kompla li l-Oppożizzjoni qed tagħmel xogħolha u qed tibqa’ tħares l-obbligi tagħha skont il-Kostituzzjoni, u għalhekk il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ determinat li jġib l-interess nazzjonali qabel kollox.

Adrian Delia fakkar kif din il-ġimgħa, rebaħ kawża Kostituzzjonali li tatu dritt li ilu mċaħħad lilu bħala Kap tal-Oppożizzjoni għal tmintax–il xahar sħaħ u ngħata kopja tar-rapport dwar Egrant. Dan wara li l-Qorti Kostituzzjonali ddikjarat li l-Avukat Ġenerali kisirlu d-drittijiet fundamentali tiegħi kif protetti mill-Kostituzzjoni u l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem biex b’hekk apparti li kisirlu d-dritt tal-libertà tal-espressjoni kisirlu wkoll id-dritt li ma jiġix diskriminat politikament. Minflok irriżenja minnufih, l-Avukat Ġenerali baqa’ fil-kariga meta l-pożizzjoni tiegħu mhix aktar tenibbli. Huwa qal li dak li Joseph Muscat ipprova jżomm mistur mill-poplu issa qiegħed fid-dominju pubbliku, wara d-deċiżjoni li ħa li jippubblika r-rapport sħiħ.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li maġġoranza kbira ta’ 84% tal-membri tal-Parlament Ewropew, inkluż dawk Soċjalisti, vvutaw favur mozzjoni li tikkundanna lil Joseph Muscat u l-aktar Gvern korrott fl-istorja ta’ pajjiżna. Adrian Delia qal li f’dan il-mument delikat u partikolari għal pajjiżna, ħadd mill-Grupp Parlamentari Laburista u mill-Kabinett tal-Ministri m’għandu l-awtorità morali biex ireġġa’ lura n-normalità u s-serjetà f’pajjiżna. Dan huwa mument li jeħtieġ li kulħadd jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu sabiex nerġgħu nibdew nibnu lil pajjiżna mill-ġdid, u dan favur il-poplu u favur l-aqwa ġid ta’ Malta qabel kollox.

Ikkummenta