Rapport: Stewart Said
VALLETTA…………. 2
BALZAN……………… 1
Valletta: H. Bonello, S. Borg, R. Camilleri, J. Borg, E. Pena Beltre, R. Muscat, N. Pulis, J. Zerafa, M. Piciollo (S. Dimech 82’), M. Fontanella (K. Tulimieri 92’), K. Nwoko (B. Kaljevic 89’)
Balzan: K. Naumovski, I. Bozovic, A. Loof, A. Kosoric, S. Bezzina (L. Montebello 73’), P. Fenech, S. Pisani, U. Ljubomirac, R. Correa, A. Effiong, A. Majdevac
Imwissija: R. Correa 45’ (B)
Skorjaw: U. Ljubomirac 34’ (B), M. Fontanella 48’, K. Nwoko 59’ (V)
Referee: Philip Farrugia
Assistenti Referees: Duncan Sultana, Roberto Vella
Attendenza: 1268
Valletta temmew sena oħra memorabbli fl-istorja tagħhom hekk kif rebħu s-Super Cup għat-13-il darba u s-seba’ waħda taħt l-era tal-President Victor Sciriha. F’dik li kienet ripetizzjoni tas-sena l-oħra, Valletta ħarġu rebbieħa bl-istess skor, f’logħba li ma laħqitx livelli spettakolari hekk kif ir-riħ fl-Istadium Nazzjonali ħalli xi ftit impatt ukoll. F’din is-sena, Valletta rebħu l-25 kampjonat fl-istorja tagħhom filwaqt li Balzan rebħu l-FA Trophy, f’dak li kien l-ewwel unur maġġuri fl-istorja. Għaldaqstant, is-sena 2019 xorta se tibqa’ mnaqqxa fl-istorja tagħhom.
Għal Darren Abdilla dan kien l-ewwel unur personali fil-karriera tiegħu ta’ kowċ. B’hekk għandu jħares b’aktar ottimiżmu lejn it-tieni parti tal-istaġun, hekk kif Valletta qed jimmiraw li jiksbu t-tielet kampjonat konsekuttiv. Abdilla ħareġ bis-sistema tipika tal-aħħar logħbiet ta’ 3-4-1-2, b’Steve Borg, Ryan Camilleri u Jean Borg jifformaw il-koppja ċentrali, fl-assenza ta’ Jonathan Caruana.
F’nofs il-grawnd, beda ż-żagħżugħ Nicholas Pulis ħdejn Rowen Muscat, b’Enmy Pena Beltre u Joseph Zerafa jkollhom partita pożittiva mal-linji. Matteo Piciollo beda wara l-koppja magħmula minn Mario Fontanella u Kyrian Nwoko. Balzan bdew jaġixxu f’mumenti f’sistema ta’ 4-2-4 hekk kif l-attakkanti Alfred Effiong u Andrija Majdevac beda jkollhom l-appoġġ mal-linji minn Uros Ljubomirac u Ricardo Correa.
Fl-ewwel taqsima, Valletta kienu erratiċi fl-attakki tagħhom u bdew jippermettu lil Balzan biex joperaw bil-kontrattakk, bil-gowl ta’ Balzan jasal minn sitwazzjoni simili. Steve Pisani u Paul Fenech ħadmu ħafna għal Balzan f’nofs il-grawnd. Fit-tieni taqsima, wara li Valletta marru minn fuq, Balzan bdew jgħaġġlu aktar meta setgħu jibnu l-attakki tagħhom b’aktar reqqa. Fil-fatt, il-gowlkiper ta’ Valletta Henry Bonello ma tantx kien impenjat.
L-ewwel periklu tal-logħba seħħ wara 13-il minuta b’xutt mid-distanza ta’ Nicholas Pulis li ġie mdawwar f’korner minn Kristijan Naumovski. Mill-korner sussegwenti, daqqa ta’ ras ta’ Steve Borg għaddiet għoli. Balzan appellaw għal penalty fil-25 minuta għal fawl fuq Andrija Majdevac iżda r-referee Philip Farrugia ħalla l-logħob għaddej. Tliet minuti wara, xutt ta’ Ricardo Correa ma nkwetax lil Henry Bonello.
It-tim ta’ Jacques Scerri mar fil-vantaġġ fl-34 minuta meta Nicholas Pulis kien pressat f’nofs il-grawnd u tilef il-ballun li spiċċa għand UROS LJUBOMIRAC, bis-Serb jiġbed il-ballun għan-nofs u b’xutt fil-baxx għar-rokna għeleb lil Bonello. Valletta fetħu t-tieni taqsima bl-aħjar mod hekk kif ġabu d-draw fit-48 minuta b’xutt ta’ MARIO FONTANELLA minn barra l-kaxxa li spiċċa fir-rokna tax-xibka.
Il-Beltin għamlu aktar kuraġġ u fil-55 minuta Fontanella tefa’ kross mil-lemin Kyrian Nwoko li tar minn tulu iżda d-daqqa ta’ ras għaddiet barra. Iżda proprju erba’ minuti wara, kien KYRIAN NWOKO li rċieva kross mix-xellug ta’ Joseph Zerafa, ikkontrolla l-ballun u b’xutt bix-xellug ħalla lil Naumovski jħares, bil-ballun jaħbat mal-lasta qabel daħal fix-xibka għal ġmiel ta’ gowl.
Valletta setgħu jikkontrollaw aktar il-logħba iżda ma rnexxielhomx jagħlquha, bit-tim ta’ Balzan jissogra ftit aktar fl-attakk. Fil-71 minuta, Steve Borg prova xutt minn barra l-kaxxa mill-bogħod li għadda barra.
Żewġ minuti wara, Jacques Scerri daħħal lil Luke Montebello flok Steve Bezzina, b’Ricardo Correa jinżel fid-difiża, bl-għan li jattakkaw aktar. B’difiża aktar skoperta, Valletta bdew jippruvaw jieħdu l-opportunità b’diversi kontrattakki. Fid-89 minuta, Nwoko rċieva kross mil-lemin iżda xxuttja għoli.
Valletta kkontrollaw l-aħħar mumenti tal-logħba biex mat-tisfira finali bdew iċ-ċelebrazzjonijiet Beltin. Wara saret il-preżentazzjoni, b’Steve Borg u Henry Bonello jgħollu t-trofew tas-Super Cup.
//= $special ?>