Festi Lokali

Skambji tal-Awguri fid-Dar Ċentrali

Il-Kap tal-PN Adrian Delia jiskambja l-awguri tal-Milied u l-Ewwel tas-Sena

Matul l-għodwa tas-Sibt, id-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista fetħet il-bibien tagħha għall-pubbliku li ġie bi ħġaru, bejn l-10.30am u n-12.30pm, biex jagħti l-awguri tal-Milied u s-Sena l-Ġdida flimkien mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia, il-Viċi Kapijiet David Agius u Robert Arrigo kif ukoll is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli.

Fost il-membri tal-pubbliku, spikkat iż-żjara taċ-ċkejken Żabbari, Eli Mallia, iben Fallon Mallia u n-nepeuti ta’ Graziella Mallia li ħallew din id-dinja aktar kmieni din is-sena meta kienu involuti f’inċident fatali fl-Imġarr, li ħasad il-ħajjiet ta’ omm u bint.

Ritratt: Joseph Galea

Minbarra l-membri tal-pubbliku, ġew biex jagħtu l-awguri tagħhom delegazzjonijiet minn diversi korpi kostitwiti , il-President tal-GRTU Paul Abela u Philip Fenech, Viċi President mit-taqsima tat-turiżmu u divertiment tal-istess union.

Taw l-awguri tagħhom bosta deputati parlamentari fosthom Carm Mifsud Bonnici u Toni Bezzina u bosta membri tal-kumitati sezzjonali. Magħhom ingħaqdu s-Sindki u l-kunsilliera lokali tal-Partit Nazzjonalista.

Preżenti wkoll biex jagħtu l-awguri tagħhom kien hemm diversi attivisti tal-Partit Nazzjonalista u membri tal-Kumitati fil-Fergħat tal-Partit Nazzjonalista fosthom mit- TeamStart, l-APAN, l-MNPN, il-Kulleġġ Kunsilliera, il-Forum tan-Negozji ż-Żgħar, l-MŻPN u s-Solidarjetà Ħaddiema tal-Partit Nazzjonalista.

Taw ukoll l-awguri tagħhom ukoll l-Kandidati għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew u għall-Elezzjoni Ġenerali f’isem il-Partit Nazzjonalista fosthom Francis Zammit Dimech, Charles Bonello u Mario Rizzo Naudi.