Futbol Sport

Triston Caruana jingħaqad uffiċjalment ma’ Valletta

Daniel Scerri (numru 6) jipprova jieħu l-ballun mingħand Triston Caruana (Ritratt: Domenic Aquilina)

Valletta bdew il-ħidma tagħhom biex isaħħu l-iskwadra għat-tieni parti tal-istaġun hekk kif ħabbru l-akkwist tal-midfielder Triston Caruana. Il-plejer ta’ 28 sena nħall mill-kuntratt li kellu ma’ Ħamrun Spartans din il-ġimgħa u ffirma ma’ Valletta sa tmiem l-istaġun 2022/23.

Fi stqarrija fuq il-paġna uffiċjali ta’ Valletta fuq facebook, il-President tal-klabb Victor Sciriha ġie kkwotat jgħid li “dan hu l-ewwel rigal tal-Milied lill-partitarji tagħna. Qed naħdmu iebes biex insaħħu l-iskwadra fis-suq tat-trasferimenti ta’ Jannar bi ftit imma akkwisti tajbin.”

F’messaġġ li kiteb fuq il-profil tiegħu fuq facebook il-Ħamis li għadda, Caruana qal li jiddispjaċih li l-esperjenza ma’ Ħamrun intemmet aktar kmieni milli ħaseb. “Dejjem tajt l-aħjar tiegħi għal dan il-klabb u jien onorat li kont il-captain tat-tim f’dan il-perjodu.”

Dan l-akkwist se jagħti aktar għażliet lill-kowċ Darren Abdilla f’nofs il-grawnd. Fil-preżent, Valletta għandhom plejers bħal Rowen Muscat, Irakli Dzaria, Nicholas Pulis, Douglas Packer, Shaun Dimech u Antonio Monticelli li mistenni jħalli l-klabb.

Triston Caruana ilu jilgħab fl-ogħla diviżjoni Maltija. Hu għamel id-debutt ma’ Hibernians fl-istaġun 2008/09 u f’dak l-istaġun rebaħ il-Kampjonat Premier. F’Jannar tal-2012 hu ngħaqad b’self ma’ Qormi, klabb li dam miegħu b’self sa tmiem l-istaġun 2013/14.

Fis-sajf tal-2014, Caruana beda esperjenza ma’ Tarxien Rainbows u magħhom mhux biss sar plejer importanti iżda wkoll kien captain tat-tim f’mumenti mhux daqshekk feliċi.

Wara tliet staġuni, Triston Caruana ngħaqad ma’ Ħamrun Spartans, dak iż-żmien taħt it-tmexxija ta’ Jacques Scerri. Caruana għamel qabża fil-kwalità ma’ dan it-tim hekk kif sar parti integrali mit-tim u fl-istaġun li għadda kien strumentali biex il-Ħamruniżi temmew il-kampjonat fir-raba’ post.

Mat-tim nazzjonali, Caruana għamel id-debutt is-sena l-oħra f’partita ta’ ħbiberija kontra l-Finlandja taħt it-tmexxija ta’ Tom Saintfiet. Tul it-terminu ta’ Ray Farrugia, Caruana kien fl-iskwadra diversi drabi u daħal bħala sostitut fit-telfa kbira kontra Spanja.