Il-President tal-Afganistan, Ashraf Ghani kien qrib konferma tat-tieni rebħa elettorali, wara li r-riżultati preliminarji wrew li hu kien viċin sew li jikseb maġġoranza minima. L-uffiċjali qalu li Ghani kiseb 50.64 fil-mija tal-vot fl-elezzjoni tat-28 ta’ Settembru fl-Afganistan. Dan meta r-riżultati inizjali kienu nżammu fost il-protesti u allegazzjonijiet ta’ frodi.
Ir-rivali ewlieni ta’ Ghani, Abdullah Abdullah, rebaħ 39.52 fil-mija tal-vot iżda hu ċaħad ir-riżultat u kien mistenni li hu jressaq appell qabel jitħabbar ir-riżultat finali. Is-sostenituri ta’ Abdullah riedu jagħmluha ċara li ‘mhumiex se jaċċettaw ir-riżultat ta’ vot iddominat mill-frodi, dment li ma jkunux indirizzati l-ilmenti leġittimi tagħhom’.
Il-kwistjoni min-naħa ta’ Abdullah u s-sostenituri tiegħu tinvolvi mat-300,000 vot. Intant, il-konferma tar-riżultat finali tal-elezzjoni kapaċi ddum il-ġimgħat ma toħroġ.
Fl-aħħar elezzjoni presidenzjali ta’ ħames snin ilu, Ghani u Abdullah kienu spiċċaw f’tilwima twila dwar ir-riżultat u li kkaġunat xhur ta’ inċertezza politika.
Madankollu, in-Nazzjonijiet Uniti – li appoġġjat l-aħħar proċess elettorali fl-Afganistan – laqgħet b’sodisfazzjon ir-riżultati preliminarji tal-aħħar sigħat waqt li ħeġġet lill-kummissjoni elettorali f’Kabul biex jitratta kwalunkwe ilmenti ‘b’attenzjoni assoluta u b’mod trasparenti.’
Ftit jiem biss wara li l-poplu Afgan ivvota fl-elezzjoni ta’ Settembru, kemm Ghani kif ukoll Abdullah kienu ddikjaraw ir-rebħa – bl-ebda kandidat (dak iż-żmien) ma joffri l-provi biex jissostanzjaw kliemhom,
//= $special ?>