Lokali

Chris Fearne lest għal reshuffle

Il-Ministru Chris Fearne jinsab lest biex, malli jieħu t-tmexxija tal-Partit Laburista u jieħu post Joseph Muscat, jagħmel bidla fil-Kabinett.

Dan kien żvelat mill-gazzetta Illum li ddikjarat li Fearne irid jagħmel bidla sħiħa fil-kabinett, b’deputati żgħażagħ jingħataw promozzjoni. Mistenni wkoll ċaqlieq ta’ xi Ministri..

L-istess gazzetta ħarġet l-aħbar li Anton Refalo jista’ jerġa jiddaħħal fil-kabinett, għalkemm mhux bilfors li jerġa jservi bħala Ministru għal Għawdex – Refalo ma kienx ġie fdat minn Joseph Muscat minkejja li ġab numru kbir ta’ voti, biex postu ħaditulu Justyne Caruana.

Bħala segretarju parlamentari għall-isport, li bħalissa jokkupa Clifton Grima, qed jissemmew ismijiet bħal Chris Agius – li kien diġa jokkupa din il-kariga u Jean Claude Micallef.

Aaron Farrugia, bniedem li kien qed jagħti appoġġ kbir lil Miriam Dalli u li bħalissa huwa Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropew qed jimbotta lilu nniffsu sabiex jingħata kariga f’każ li Fearne jirbaħ it-tellieqa.

Qed jingħad ukoll li ser tingħata promozzjoni lil Byron Camilleri, Silvio Schembri, Alex Muscat, Julia Farrugia Portelli u Glenn Bendingfield biex b’hekk jieħdu post Deputati veterani tal-Partit Laburista.

Appart minn promozzjonijiet, jista’ jkun il-każ li jitneħħew xi Ministri fosthom Evarist Bartolo li mhux se jerġa’ jikkontesta għal elezzjoni oħra kif ukoll Ministri oħra li mhux meqjusin effiċjenti f’dak li jagħmlu.

Ian Borg, il-Ministru attwali tat-Trasport, qed jissemma li jista’ jkun id-Deputat Prim Ministru maħtur minn Fearne, dan wara li Borg qed jgħati l-appoġġ tiegħu kollu lil Fearne

Persuna oħra li qed tappoġġja lil Fearne, huwa Konrad Mizzi, iżda hemm dubju dwar kemm se jkollu post fil-kabinett ta’ Fearne.Fid-dawl ta’ dan ir-rapport qed tidher dejjem iktar bħala botta id-dikjarazzjoni li għamel l-avversarju tiegħu Robert Abela li lejliet qal li hu mhu se jwettaq l-ebda bida immedjata lanqas fil-kabinett.