Internazzjonali

Franza: L-ebda Quddiesa tal-Milied fil-Katidral ta’ Notre-Dame

Il-Quddiesa tal-Milied mhix se ssir fil-Katidral ta’ Notre-Dame għall-ewwel darba mill-1803. Dan kien ikkonfermat fi żmien meta l-ħaddiema għadhom għaddejjin bil-ħidma biex dan il-landmark ta’ Pariġi jinbena mill-ġdid, tmien xhur wara li nqerdu partijiet kbar minnu fost in-nirien devastanti.

Filwaqt li l-quddiesa ta’ nofs-il lejl xorta se tkun iċċelebrata  (mir-rettur Patrick Chauvet) f’Lejliet il-Milied, din għandha ssir fil-knisja ta’ Saint-Germain l’Auxerrois, fil-viċinanzi.

Il-Katidral ta’ Notre-Dame —  parti minn sit tal-UNESCO għall-patrimonju dinji maġenb ix-Xmara Seine – ġarrab ħsarat terribbli fin-nirien tal-15 ta’ April u li fihom kienu nqerdu l-kampnar Gotiku, is-saqaf u oġġetti (fil-Katidral) ta’ valur storiku imprezzabbli.

Il-Quddiesa tal-Milied f’Notre-Dame saret dejjem tul 200 sena – inklużi fl-aktar perjodi ta’ taqlib u anki meta Pariġi kienet okkupata mill-qawwiet Nażisti ta’ Adolf  Hitler.

Il-President Franċiż, Emmanuel Macron, fassal programm ta’ ħames snin għall-konklużjoni tat-tiswijiet lill-katidral li nbena 800 sena ilu. Dan meta l-istruttura għadha mdawwra bis-scaffolding, bi krejn enormi mdendel għal fuqha.

Il-prosekuturi f’Pariġi jissuspettaw li n-nirien li qerdu l-katidral kienu dovuti għal negliġenza kriminali u kienu fetħu investigazzjoni fil-bidu tas-sajf. Dan meta fost id-diversi teoriji, issemmiet ukoll il-possibbiltà ta’ difett fis-sistema tal-elettriku li seta’ ikkaġuna l-qerda ta’ wieħed mill-akbar ikoni għall-poplu Franċiż.