Il-Pulizija tad-Distrett t’Għawdex qed tinvestiga s-sejba ta’ madwar 10 kilogrammi ta’ sustanza allegatament droga cannabis.
Id-droga instabet ilbieraħ wara nofsinhar max-xatt ta’ bejn il-Port tal-Imġarr u l-Bajja tax-Xatt l-Aħmar, f’Għajnsielem, Għawdex.
Kien għall-ħabta tal-erbgħa u kwart li żewġt irġiel, waqt li kienu mexjin ħdejn il-baħar, innutaw diversi pakketti li qanqlulhom suspett. Minnufih infurmaw lill-Pulizija t’Għawdex li marru fuq il-post sabiex jinvestigaw din is-sejba.
B’kollox instabu 83 blokka tad-droga mqassma f’sittax-il pakkett li kollha kienu ssiġillati f’boroż tal-plastik. F’kull pakkett kien hemm madwar ħames blokok waqt li tliet blokok oħra nstabu għalihom fuq x-xtajta.
Mhux eskluż li l-pakketti bl-allegat droga telgħu max-xatt mill-baħar bil-maltemp li ħakem il-gżejjer Maltin.
Dwar dan il-każ infetħet inkjesta li qed titmexxa’ mill-Maġistrat tal-Għassa Monica Vella li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta Maġisterjali.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.
//= $special ?>