Lokali

Inkompetenza fl-ewwel ftit xhur ta’ tmexxija Laburista fis-Siġġiewi

L-ewwel xhur ta’ tmexxija Laburista fis-Siġġiewi kienu kkaraterizzati minn kontroversji f’laqgħa wara l-oħra tal-Kunsill lokali.

Minkejja li l-legiżlatura għadha fil-bidu, diga’ tispikka l-inkompetenza u nuqqas ta’ professjonalità li bih qed jitmexxa l-Kunsill tas-Siġġiewi mis-Sindku Laburista, Kurstein Sant.

Dan kien innutat ukoll mill-minority leader tal-Partit Nazzjonalista, Alessia Psaila Zammit li kienet il-mistiedna waqt il-programm Il-Kunsill Tieghek fuq Net FM ppreżentat minn Stanley Zammit.

Alessia Psaila Zammit spjegat li fl-ewwel ftit xhur ta’ tmexxija Laburista fis-Siġġiewi, is-Sindku u l-kunsilliera Laburisti rtiraw żewġ appelli mportanti mill-Awtorità tal-Ippjannar, f’deċizjonijiet li aktar iħarsu l-interessi tal-applikanti milli tar-residenti Siġġiwin.

Appell minnhom, li kellu l-għan li jsir immaniġġjar aħjar tat-traffiku fiż-żona ta’ Ramija kien sar bi qbil unanimu u taħt it-tmexxija tas-Sindku Laburista, Kurstein Sant stess.

Alessia Psaila Zammit spjegat li fil-laqgħa ta’ Novembru imbagħad, il-Kunsilliera Laburista ressqu mozzjoni biex jirtiraw appell fuq il-proġett massiv ta’ social housing tal-Gvern. Huma irrifjutaw ukoll li jagħmlu laqgħa ta’ konsultazzjoni fuq din l-materja u njoraw lir-residenti kollha affetwati minn dan l-proġett.

Spjegat ukoll li mid-diskussjoni rriżulta li s-Sindku Laburista qas biss kien fehem x’fiha l-mozzjoni li ressaq hu stess.

Alessia Psaila Zammit rreferiet ukoll għad-dewmien fl-ewwel xhur taħt din it-tmexxija meta jiġu biex jiddaħħlu oġġezzjonijiet mal-Awtorità tal-Ippjannar … oġġezzjonijiet li l-Kunsill Lokali jkun qabel li jsiru.

Dan waqt li s-Sindku eskluda lill-kunsilliera Nazzjonalisti minn ċertu attivitajiet, fosthom konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru Ian Borg fil-Park ta’ Lapsi.

Dan kollu juri li s-Sindku Laburista għandu interess imexxi il-Kunsill Lokali b’mod partiġġjan flok fl-interess ta’ raħal magħqud, tenniet Alessia Psaila Zammit.