L-Arċisqof Charles Scicluna appella sabiex bħala soċjetà hemm bżonn nirrealizzaw li fejn bnejna fuq ir-ramel m’għandnix għalfejn noqgħodu nistennew li jiġġarraf kollox imma nfittxu nibnu fuq blat sod ta’ intergrità u onestà.
L-Arċisqof saħaq dan hekk kif il-Ħadd filgħodu laqa’ u ta l-awguri tiegħu lin-nies li marru bi ħġarhom fil-Kurja f’dan iż-żmien ta’ festi u ġabra.
Huwa saħaq li f’dawn iż-żminijiet irridu nneħħu l-ġelu miċ-ċelebrazzjonijiet tal-milied u nifmhu li jekk nibnu darna mingħajr Alla ser nkunu qed nibnu fuq art ramlija.
L-Arċisqof insista li Alla jinsab magħna ankè meta jkollna bżonn tassew ninħelsu mill-ħażen li hawn madwarna u saħaq li għandna bżonn salvatur ta’ vera.
Filwaqt li l-Arċisqof saħaq li m’hemmx imħabba aħjar minn dik li jagħti ħajtu għal sħabu, huwa spjega li rridu nieħdu din l-okkażżjoni sabiex nagħżlu t-tajjeb u nwarrbu l-ħażin l-għaliex fis-soċjetà tal-lum hawn għatx għall-verità, ġustizzja u għar-rispett lejn xulxin.
Huwa rringrazzja lill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi tal-appoġġ li jtih u lill-Arċisqof Emeritu Pawlu Cremona tal-ħidma pastorali tiegħu.
Finalment, l-Arċisqof Charles Scicluna, awgura l-Milied hieni lill-poplu Malti u Għawdxi kollu w appella sabiex il-Milied nibqgħu niċċelebrawh sal-Epifanija.
//= $special ?>