Lokali

Joseph Muscat m’għandux kredenzjali biex jitkellem dwar il-verità u għandu jitlaq minnufih

Joseph Muscat huwa Prim Ministru lleġittimu u llum il-ġurnata ferm aktar minn qatt qabel mhux kredibbli u ma fadallux kredenzjali biex jitkellem dwar il-verità.

Fi stqarrija l-Partit Nazzjonalista kompla jisħaq li Joseph Muscat u sieħbu l-Avukat Ġenerali għamlu minn kollox biex żammew ir-rapport dwar Egrant maqful fil-kexxun għal dawn l-aħħar tmintax-il xahar sħaħ biex iżommu mistura mill-poplu xibka ta’ korruzzjoni mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Il-Partit Nazzjonalista spjega li kien Adrian Delia li rebaħ il-kawża kontra l-Avukat ġenerali li ppubblika dan ir-rapport sħiħ u b’hekk il-poplu jista’ jara b’għajnejh il-korruzzjoni kollha li saret mill-Gvern Laburista ta’ Joseph Muscat, li kisser ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.

Flok ikompli bil-priedki tal-Ħadd, Joseph Muscat għandu jitlaq immedjatament biex jieqaf darba għal dejjem jagħmel ħsara lil pajjiżna, biex il-verità toħroġ kollha u ssir ġustizzja.