Lokali

“Kieku riedu setgħu sabuh il-mobile” – Professjonisti fis-Settur

Normalment is-Servizzi Sigrieti kapaċi jillokalizzaw f’temp ta’ siegħa biss mobile li jkun bżonnjuż f’xi investigazzjoni iżda ma jiġix provdut minn min ikun investigat.

Iddikjaraw dan professjonisti f’dan is-settur li tkellmu ma’ The Malta Independent u qajmu dubji dwar kif il-mobile ta’ Keith Schembri baqa’ ma nstabx.

Dan wara li fil-Qorti, Keith Arnaud, l-investigatur ewlieni fl-investigazzjoni dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia ddikjara li l-Pulizija m’analizzawx il-mobile tal-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru. Dan hekk kif Keith Schembri ddikajra li tilfu.

Sorsi qrib l-investigazzjoni saħansitra qed jindikaw li Keith Schembri aktarx kien qed juża iktar minn mobile wieħed.

Tqajmu dubji wkoll dwar ir-raġuni li l-uffiċċju ta’ Keith Schembri f’Kastilja ġie mfittex mill-investigaturi għaxart’ijiem wara li nħeles mill-arrest, u mhux immedjatament.

Fl-istess waqt jitqajmu dubji dwar kif, minkejja li Yorgen Fenech kien qed ikun segwit, l-investigaturi ma segwewx telefonata ta’ 24 minuta li hu kellu ma’ Keith Schembri lejliet li l-imprenditur Malti pprova jaħrab.

Minkejja din it-telefonata, li fiha Yorgen Fenech qal lil Schembri li kien sejjer lejn Sqallija, l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru ma nfurmax lill-awtoritajiet. Dan minkejja li Schembri kien jaf li Yorgen Fenech kien qed ikun segwit fuq akkużi serji.

Fid-dawl ta’ dan kollu, fil-Qorti ġie kkonfermat li Keith Schembri għadu s’issa investigat kemm b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia kif ukoll b’akkużi li pprova jfixkel l-investigazzjoni. Minkejja dan għadu jgawdi l-libertà mingħajr kundizzjoni, meta normalment wieħed jippretendi li jkun fuq Police Bail.

Skont sorsi ta’ The Malta Independent filfatt, l-investigaturi talbu li Keith Schembri jitħalla barra fuq Police Bail, iżda din it-talba kienet miċħuda mis-superjuri tagħhom.

Sadattant l-iżviluppi riċenti li ħarġu fil-Qorti wasslu biex epert indipendenti tan-Nazzjonijiet Uniti jipproponi bidla radikali fis-Servizzi Sigrieti Maltin.

F’ittra lill-Gvern Malti, il-Professur Joe Cannataci appella biex tisaħħaħ il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u r-rispett tar-rule of law f’pajjiżna.

Hu ssottometta sett ta’ proposti li fost oħrajn jinkludu riforma fl-Att dwar is-Servizzi Sigrieti ta’ Malta kif ukoll emendi kostituzzjonali li jikkumplimentaw din ir-riforma.Fost l-emendi, joħroġ biċ-ċar il-bżonn li jkun evitat il-potenzjal ta’ kunflitt ta’ interess, b’mod speċjali f’dak li għandu x’jaqsam mar-rwol tal-Prim Ministru jew Ministri.