Il-President ta’ Kuba, Miguel Diaz-Canel, ħatar lill-ewwel Prim Ministru tal-pajjiż f’aktar minn 40 sena – bl-għażla taqa’ fuq il-Ministru tat-Turiżmu, Manuel Marrero Cruz.
Il-ħatra anki tista’ titqies bħala waħda storika wara li l-kariga ta’ Prim Ministru, fl-1976, kienet iddikjarata xolta mill-eks mexxej rivoluzzjonarju ta’ Kuba, Fidel Castro. Intant, il-ħatra ta’ Marrero Cruz kienet ratifikata unanimament mid-deputati fl-Assemblea Nazzjonali ta’ Kuba.
Dan ir-rwol reġa’ kien introdott taħt ir-regoli ta’ kostituzzjoni ġdida għal din il-gżira-Stat komunista u li għaddew aktar kmieni fis-sena.
Marrero Cruz, li għandu 56 sena, se jassumi wħud mir-responsabbiltajiet li, attwalment, huma tal-President Diaz-Canel. Dan meta qed jingħad li hu, bħala Kap tal-Gvern ta’ Havana ‘għandu jservi bħala l-id il-leminija ( f’sens amministrattiv) tal-President tar-Repubblika’.
Madankollu, il-kritiċi qed jargumentaw li bidliet bħal dawn fit-tmexxija huma purament ‘kosmetiċi’ peress li l-Partit Komunista u l-militar ta’ Kuba jibqgħu l-uniċi żewġ istituzzjonijiet li jieħdu tassew id-deċiżjonijiet importanti għall-pajjiż.
//= $special ?>