Lokali

Muscat jevita lil Schembri u jrewwaħ fuq ta’ warajh

Il-Prim Ministru Joseph Muscat reġà farfar kollox fuq is-suċċessur tiegħu.

F’intervista radjofonika fuq ir-radju tal-istazzjon tal-magna laburista – Joseph Muscat sostna li jkun min ikun is-suċċessur tiegħu bejn Chris Fearne u Robert Abela dawn għandhom isolvu l-kwistjonijiet u l-problemi li ser iħalli warajh.

Minkejja li għadu marbut mas-siggu tal-poter u niżżel lill-pajjiż fi kriżi morali u soċjali bla ebda preċedent, fil-ġimgħa li fiha intqal taħt ġurament li l-eks Kap tal Uffiċċju tal-Prim Ministru jinsab investigat dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, Joseph Muscat baqa’ kompletament sieket.

Sforz ir-rebgħa għall-poter u l-biża’ li ismu jibqa’ mkasbar fil-kotba tal-istorja bħal donnu jrid jagħmel minn kollox biex ismu jibqa’ verġni minn kull tebgħa – iżda l-iżviluppi ta’ dawn l-aħħar ġimgħat juru bl-aktar mod ċar li r-responsabbiltà politika refagħha biss sa nofsha.

Tul is-snin Joseph Muscat kellu l-okkażżjoni li tul is-snin ikeċċi lill-id il-leminija tiegħu Keith Schembri għal darba tnejn tlieta – madanakollu falla milli jagħmel dan sal-punt li mat-tħabbira li Keith kien irreżenja minn jheddu mill-kariga ta’ Chief of Staff, Joseph Muscat faħħru pubblikament mal-midja.

Tul l-intervista Joseph Muscat saħaq li fl-ebda mument ma’ ostakola l-investigazzjonijiet tal-Pulizija, madanakollu minkejja s-sejħa sabiex jirreżenja immedjatament kemm minn entitajiet soċjali, kif ukoll fost oħrajn 600 Membru Parlamentari Ewropew, huwa għadu marbut mas-siġġu tal-poter bir-riskju li jostakola l-investigazzjonijiet tal-Pulizija.

Muscat għamel referenza wkoll għal konklużjonijiet tar-Rapport tal-Inkjesta Egrant madanakollu falla milli jsemmi mhux veru li kien ippubblika l-konklużjonijiet kollha tar-rapport.

Sena u nofs ilu Joseph Muscat qal li kien qed jippubblika l-konklużjonijiet tar-rapport. Fil-verità, huwa kien ippubblika biss il-partijiet mill-konklużjonijiet li deherlu hu u ħalla barra ħafna dettalji importanti – fosthom li l-Kummissarju tal-Pulizija kellu u għandu jinvestiga lil Karl Cini ta’ Nexia BT fid-dawl ta’ diskrepanzi fix-xhieda tiegħu stess, hekk kif allegatament xehed falz.

Fid-dawl ta’ dan il-ħabi, misteri u allegazzjonijiet mdawwrin mal-Uffiċju tal-Prim Ministru Joseph Muscat – huwa għadu f’din il-kariga lest sabiex ifarfar ir-responsabbiltà fuq min ġej warajh f’kull okkażżjoni.