Lokali

Partit Nazzjonalista riformat, imġedded u miftuħ għal kulħadd biex iġib il-bidla għall-ġid ta’ pajjiżna

“Irridu nibdew nibnu mill-ġdid mill-pedamenti lkoll flimkien. Se jkun il-Partit Nazzjonalista riformat, mġedded u miftuħ għal kulħadd li se jġib din il-bidla għall-ġid ta’ pajjiżna, tal-poplu fl-interess nazzjonali.”

Iddikjara dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta indirizza attività politika fl-Isla.

Adrian Delia qal li quddiem din il-kriżi politika, meta l-President tar-Repubblika jgħid li l-Gvern inħataf minn klikka ħallelin, l-ebda membru tal-Grupp Parlamentari Laburista mhu jqum u jieħu azzjoni u għalhekk tilfu kull awtorità morali li jreġġa lura lil pajjiżna għan-normalità, u dan meta lanqas azzjoni biex Joseph Muscat jitlaq immedjatament ma ħadu.

Kompla li wara li ntilef il-mobile tal-eks Chief of Staff, li kieku f’pajjiż normali jinstab f’inqas minn siegħa, iżda fuq kollox intilfet il-fiduċja fl-Istituzzjonijiet, is-serjetà fil-Korp tal-Pulizija u l-kredibbiltà tal-Avukat Ġenerali, li kiser il-Kostituzzjoni, il-Konvenzjoni Ewropea, u li kiser d-drittijiet fundamentali ta’ Dr Delia bħala Kap tal-Oppożizzjoni.

Adrian Delia qal li għal dan kollu jaħti Joseph Muscat u l-Gvern Laburista, b’kull membru tal-Grupp Parlamentari Laburista u tal-Kabinett, ewlenin fosthom il-kontestanti għall-kariga ta’ Prim Ministru li minflok poġġew l-interess tal-poplu l-ewwel, għażlu li jpoġġu l-interessi tagħhom u tal-Partit Laburista qabel l-interess nazzjonali.

Dan meta Chris Fearne qal li daħal fil-politika biex il-PN ma jerġgħax ikun fil-Gvern flok biex imexxi bla distinzjoni, u meta Robert Abela qal li għandna nserrħu moħħna li kollox se jibqa’ kif inhu meta l-pajjiż qed jitkisser. Huwa qal li l-Oppożizzjoni kisbet rebħa importanti għall-poplu kollu meta rebaħ il-kawża kontra l-Avukat Ġenerali biex jagħtih kopja sħiħa tal-inkjesta dwar Egrant u dak li Joseph Muscat ipprova jżomm mistur mill-poplu issa qiegħed fid-dominju pubbliku wara d-deċiżjoni li ħa li jippubblikah.

Rapport li minnu qed tkompli toħroġ kemm ix-xibka ta’ korruzjoni minn Kastilja ħakmet lil pajjiżna għal dawn l-aħħar sitt snin u nofs.

Adrian Delia qal li l-maġġoranza assoluta tal-membri tal-Parlament Ewropew inkluż dawk Soċjalisti vvutaw favur mozzjoni li tikkundanna l-iżjed Gvern korrott fl-istorja ta’ pajjiżna. Huwa qal li bid-dokument Riforma u Tiġdid, il-PN mill-Oppożizzjoni, qed iressaq 15-il proposta għat-tisħiħ tal-governanza tajba għal demokrazija b’saħħitha.

Adrian Delia qal li filwaqt li resqin lejn il-Milied, żmien fejn issoltu nistennew il-paċi, pajjiżna bħalissa għandu jkollu t-tama u l-konfort li se niġġieldu u nirbħu l-korruzzjoni u l-ħażen.