Lokali

SURVEY TAL-MALTATODAY:Il-PN iżid is-sapport għat-tieni xahar konsekuttiv

Għat-tieni ġimgħa konsekuttiva l-Partit Nazzjonalista kompla jsaħħaħ l-appoġġ tiegħu, waqt li l-Partit Laburista kompla jnaqqas fil-fiduċja tal-poplu.

Is-survey juri li issa l-Partit Nazzjonalista jgawdi l-ikbar appoġġ sa mill-bidu ta’ Mejju ta’ din is-sena. Sa minn Ottubru, jiġifieri fi tliet xhur biss, il-Partit Nazzjonalista żied 6% fl-appoġġ.

Dan joħroġ biċ-ċar mit-tieni survey tal-gazzetta Malta Today f’daqstant ġimgħat li juri wkoll kif, bejn survey u ieħor, il-Partit Laburista tilef żewġ punti perċentwali.

Konsegwenza ta’ dan, il-Partit Laburista issa jgawdi l-appoġġ ta’ 41.5% tal-poplu Malti u Għawdxi. Għal-kuntrarju, il-Partit Nazzjonalista kiseb dak li tilef il-Partit Laburista, bil-fiduċja tal-poplu tikber b’żewġ punti perċentwali fl-istess perjodu.

Fl-analiżi tiegħu għal dan is-survey, Kurt Sansone jinnota kif il-Prim Ministru Joseph Muscat baqa’ jinsisti li ma jirriżenjax immedjatament minkejja sensiela ta’ appelli biex jagħmel dan. Fost oħra mis-soċjetà ċivili, il-unions u saħansitra tliet kwarti tal-Parlament Ewropew.

Jiddikjara li dan il-fattur qed ikompli jagħmel ħsara mhux biss lil pajjiżna, iżda anke lill-Partit Laburista li minħabba f’hekk qed ikompli jitlef l-appoġġ.

L-analiżi ta’ dan is-survey tindika wkoll kif issa l-Partit Laburista jgawdi maġġoranza assoluta biss fin-naħa t’isfel ta’ Malta u qed jitlef sew l-appoġġ f’żoni oħra bħal Għawdex u fil-Punent.

Il-Partit Nazzjonalista saħansitra jgawdi l-fiduċja tal-maġġoranza tal-elettorat fin-naħa ta’ fuq tal-pajjiż, fejn il-partit igawdi wkoll l-aħjar appoġġ tiegħu.Survey ieħor li kien sar fi tmiem Novembru, din id-darba mit-Torċa, kien ikkonferma din ix-xejra u wera’ li l-Partit Laburista naqqas 6% fl-appoġġ tiegħu, meta mqabbel mal-istħarriġ preċedenti.