Lokali

Tork jinżamm arrestat f’San Ġiljan

Ritratt: Mill-arkivji

Tork ta’ 31 sena, residenti Tas-Sliema qed jinżamm arrestat wara li ħebb għal Pulizija.

Il-każ seħħ għall-ħabta tas-siegħa tal-Ħadd filgħodu, fi Triq San Ġorġ, f’San Ġiljan meta sid ta’ stabbiliment talab għall-assistenza tal-Pulizija hekk kif ir-raġel kien taħt l-influwenza tal-alkoħol u ma riedx joħroġ mill-istabbiliment.

Ir-raġel irreżista lill-Pulizija u saħansitra qabad lil Kuntistabbli minn għonqu u pprova jimbuttah. Fortunatament dan ma weġġax.

Fl-istess waqt Brażiljana ta’ 39 sena residenti l-Gżira, bdiet iżżomm lil Kunstistabbli minn wara.Ir-raġel kien arrestat u ttieħed l-Għassa ta’ San Ġiljan għal aktar stħarriġ. Hu ma kkooperax mal-Pulizija u anke rrifjuta li jidentifika lilu nnifsu.

Aktar tard, ir-raġel ġie eskortat lejn il-lock-up tal-Pulizija, il-Floriana. Mhux eskluż li jitressaq il-Qorti fil-jiem illi ġejjin.

Ħadd ma’ weġġa’ f’dan il-każ. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.