Lokali

Yorgen Fenech siefer għat-tieġ tas-sid tal-Bank Pilatus ma’ Muscat u Schembri

L-imprenditur Malti Yorgen Fenech kien wieħed mill-Maltin  li fl-2015 attendew għat-tieġ taċ-Chairman tal-Bank Pilatus Sayed Ali Sadr Hasheminejad.

Fenech, li jinsab akkużat bħala l-mandant tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, kien parti minn grupp ta’ Maltin li kien jinkludi wkoll lill-Prim Ministru Joseph Muscat u lil Keith Schembri, l-eks Chief of Staff f’Kastilja.

Waqt li Muscat u Schembri kellhom jammettu li kienu preżenti għal dan it-tieġ, wara li nkixfu, s’issa dejjem inżamm moħbi l-fatt li magħhom kien hemm ukoll Yorgen Fenech.

Huma lkoll qagħdu fl-istess lukanda lussuża li ħallas għalihom l-Iranjan, li qed jinżamm taħt arrest fl-Istati Uniti fuq diversi akkużi li għalihom qed jirriskja sentenza ta’ għomor il-ħabs.

Dawn id-dettalji kienu żvelati mis-sit Lovin Malta fl-istess jum li ġurnal ieħor, Malta Today, żvelat li l-ħbiberija bejn Keith Schembri u Yorgen Fenech saħansitra wasslet lill-imprenditur Malti jħallas €24,000 għall-kura li kellu bżonn l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru.

Iżda l-Prim Ministru Joseph Muscat qatt ma semma’ li siefer ma’ Yorgen Fenech, anzi dejjem qal biss li huma ltaqgħu riċentament b’kumbinazzjoni, meta nzertaw fl-istess attività.

Il-Bank Pilatus illum il-ġurnata jinsab magħluq fuq akkużi serji ta’ ħasil ta’ flus u li serva lil diversi persuni esposti politikament, fosthom politiċi tal-Ażerbajġan.Minkejja dawn l-akkużi serji, l-awtoritajiet Maltin baqgħu ikaxkru saqajhom u kien biss xhur wara li ddeċidew li jieħdu azzjoni u jissiġillaw dan il-bank. Sakemm ħadu azzjoni, Hasheminejad kien diġa’ ħarab mill-pajjiż.