Il-ħbiberija bejn l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru Joseph Muscat, Keith Schembri u l-imprenditur Yorgen Fenech ma kinetx biss abbażi ta’ negozju iżda waħda li tmur oltrè mix-xogħol.
Dan komplja jintwera bl-aktar mod ċar mill-fatti żvelati mill-ġurnal Malta Today li l-Ħadd irrapporta kif, f’wieħed mill-aktar mumenti delikati f’ħajjet Keith tal-Kasco, fejn kellu bżonn jingħata kura medika fl-Istati Uniti – Yorgen Fenech tah sostenn kemm morali kif ukoll finanzjarju.

Sar magħruf li Fenech, suspettat bħala l-mandant fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, ħallas total ta’ €24,000 sabiex Keith Schembri ingħata l-kura fil-Mayo Clinic f’Minnesota, l-Istati Uniti lura fl-2016.
Fid-dawl ta’ dan, ta’ min jinnota li fix-xhieda tiegħu fil-Qorti l-Ispettur Keith Arnaud, investigatur ewlieni f’dan il-każ, saħaq li l-id il-leminija ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri – kien ilu jaf ix-xhur li Yorgen Fenech kien is-suspettat numru wieħed f’dan il-każ.
Madankollu, fl-ebda mument ma ħass il-ħtieġa li jiżvela mal-Pulizija l-ħbiberija ta’ bejniethom. Dan minkejja li din il-ħbiberija saħansitra kienet deskritta bħala waħda kważi intima.

Keith Schembri qed ikun akkużat fost oħrajn li pprova jfixkel l-investigazzjoni. Dan anke fl-isfond li t-tabib Adrian Vella, ammetta mal-Pulizija li newwel ittra mingħand Keith Schembri għal Yorgen Fenech waqt li dan tal-aħħar kien qed jiġi investigat.
Fiha, l-ittra allegatament kien hemm indikazzjonijiet dwar x’kellu jgħid Yorgen Fenech lill-Pulizija, inkluż biex dan iwaħħal kollox fil-Ministru Chris Cardona.
Adrian Vella hu t-tabib kemm ta’ Fenech kif ukoll ta’ Schembri – u kien proprju hu li akkumpanja lil dan tal-aħħar fl-Istati Uniti għall-kura.
Fid-dawl ta’ dan Yorgen Fenech fetaħ kważa kostituzzjonali fejn jitlob li Keith Arnaud ma jibqax imexxi l-investigazzjoni dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan għax jakkużah li kien qd jinforma lil Keith Schembri b’dak li kien għaddej waqt l-investigazzjoni.
F’rikors kostituzzjonali ieħor, Yorgen Fenech jakkuża lill-investigaturi b’dilettantiżmu. Fost oħrajn għax ifakkar li dawn qatt ma rnexxielhom jiskopru bil-ħbiberija kważi fraterna li kien hemm bejn Yorgen Fenech u Keith Schembri – ħbiberija li skont ix-xhieda tal-middleman Melvin Theuma u fi kliem Fenech, Keith kien lest jagħmel kollox għalih.
Ta’ min ifakkar ukoll fl-inkjesta Egrant, loi r-rapport sħiħ tagħha ġie ppubblikat mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, jingħad kif Keith Schembri stqarr mal-Maġistrat Aaron Bugeja li Caruana Galizia kienet qabżet il-limitu meta semmiet li hu kien marid.
