Futbol Sport

Ancelotti jemmen li fil-futur Everton jistgħu jilagħbu fiċ-Champions League

(Ritratt: Everton FC)

Carlo Ancelotti jemmen li mhix missjoni impossibbli li fil-futur Everton jisfidaw biex jiksbu post fil-UEFA Champions League. Il-kowċ ta’ 60 sena qal dan waqt il-preżentazzjoni uffiċjali bħala manager ta’ Everton. L-eks kowċ ta’ Milan, Chelsea u Real Madrid fost l-oħrajn, iffirma kuntratt sal-2024 u se jieħu t-tmexxija tat-tim li jinsab fil-15-il post fil-Premier League, erba’ punti fuq iż-żona tar-relegazzjoni.

Everton ilhom ma jispiċċaw mal-ewwel erbgħa mill-2005. Il-preżentazzjoni ta’ Ancelotti seħħet fl-istess ġurnata li Everton żvelaw l-aħħar disinn tal-istadium il-ġdid fi Bramley Moore Dock u se jkun qed jilqa’ fih 52,000 spettatur. “L-istorja u t-tradizzjoni tal-klabb hu dak li attirani. Hi waħda mill-akbar fl-Ingilterra,” qal it-Taljan.

Ancelotti qabbel il-proġett ta’ Everton ma’ dak ta’ PSG. “Mort it-training ground ilbieraħ. Hu fantastiku. Il-fatt li l-klabb irid jibni stadium ifisser li huma għandhom idea ċara ta’ kif iridu s-suċċess. Id-dħul finanzjarju fil-futbol issa sar veru importanti. Everton iridu l-istadium il-ġdid tagħhom biex jitjiebu u jkunu aktar kompetittivi. Għalija tista’ tkun tajba li nkun hawn meta jinfetaħ l-istadium il-ġdid,” kompla Ancelotti.

Ancelotti li rebaħ il-UEFA Champions League tliet darbiet bħala kowċ, rebaħ il-Premier League u l-FA Cup ma’ Chelsea fl-2010, minbarra unuri oħra fl-Italja, Spanja, Franza u l-Ġermanja. Hu tkeċċa minn kowċ ta’ Napoli aktar kmieni dan ix-xahar, minkejja li wassalhom mal-aħħar 16 taċ-Champions League.